Il-pjan ta’ immigrazzjoni mfassal mill-Prim Ministru Taljana tal-lemin estrem Giorgia Meloni sab biss bibien magħluqa, b’mod partikolari mill-Qorti f’Ruma.
Kontroversjali mill-bidu, il-pjan kien jara “bidla kbira fl-istorja tal-immigrazzjoni fl-UE.” Meloni ddeskriviet dan il-pjan bħala mod ta’ salvataġġ għal immigranti li qed iffitxu ażil fl-Italja u pajjiżi ġirien. Skont il-pjan, immigrant dieħel fi stat membru tal-Unjoni Membru tal-Unjoni Ewropea jintbagħat f’ċentri ta’ proċessar imsejħa “Migrant Hubs” fl-Albanija.
Mniedi l-Erbgħa li għadda, dan il-proċess diġà ntuża fuq 16-il immigrant mill-Eġittu u l-Bangladesh li ġew salvati fil-baħar. Huma kienu interċettati minn vapur Taljan u s’issa qed jinżammu fil-port ta’ Shëngjin fl-Albanija.
‘Il-gvern ma jafx x’inhu sigur’ – Il-Qorti Taljana
Il-Qorti tal-Immigrazzjoni f’Ruma qalet il-Ġimgħa filgħodu li l-ewwel grupp ta’ migranti mibgħuta l-Albanija, se jkollhom jirritornaw l-Italja, bi tħassib fuq saħħithom.
Fit-tweġiba tagħha l-Qorti qalet li l-pajjiżi oriġinali tal-immigranti inkwistjoni ġew ikklassifikati bħala “mhux sikuri” minħabba storja kontinwa ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Id-diskors aħrax tal-Qorti tqies bħala rebħa għall-partiti xellugin fl-Italja, li opponew il-pjan mill-bidu.
Elly Schlein, il-mexxejja tal-Partit Demokratiku Taljan, li jitqiesu bħala s-soċjalisti fil-Parlament Ewropew, kienet minn ta’ quddiem li kkritikat il-pjan. Hi argumentat li l-fondi li bħalissa qed jintużaw għal ċentri fl-Albanija, li qed jiswew lit-Taljani madwar 800 miljun ewro, huma “ħela ta’ riżorsi” u li minflok jistgħu jintużaw għal kwistjonijiet domestiċi urġenti.
Min-naħa l-oħra, f’Beirut, Meloni ddefendiet il-pjan imma argumentat li l-ġudikatura għandha d-dritt li tiddefinixxi liema pajjiżi huma sikuri u liema mhumiex.
“Nemmen li l-gvern għandu jispjega aħjar x’jiġifieri pajjiż sigur,” qalet lill-midja s-Sibt filgħodu.
Meloni, inkluż il-mexxejja tal-istati membri l-aktar affettwati mill-kriżi tal-immigrazzjoni, inkluż Robert Abela, Prim Ministru ta’ Malta, ilhom snin jipprovaw isibu soluzzjoni.
Fl-istess ħin, numru ta’ pajjiżi oħra baqgħu lura milli jdeffsu idhom fil-borma, u saħansitra ma kkummentawx meta mistoqsija dwar is-suġġett. Dan jinkludi lill-Prim Ministru Franċiż Michel Barnier, li bl-aktar mod diplomatiku qal li ma jaħsibx li l-pjan Taljan jista’ jkun effettiv fi Franza. Madankollu, huwa wiegħed li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mad-Deputat Prim Ministru Taljan, Antonio Tajani, biex jikkumbatti l-immigrazzjoni illegali.
Malta tappoġġja l-Italja; Abela jgħid li din ‘soluzzjoni innovattiva’
Li ftit kienu qegħdin jistennew huwa l-appoġġ li dan il-pjan irċieva b’mod ħolistiku mill-uffiċjali għolja tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-Kummissarju tal-UE stess Ursula von der Leyen.
Hija ddeskriviet din l-inizjattiva bħala waħda importanti filwaqt li rrikonoxxiet in-natura mhux ortodossa tagħha.
Bl-istess mod, il-Prim Ministru Robert Abela, li fl-aħħar snin kien ikkritikat talli żamm l-immigranti bejn sema u ilma għal ġranet twal sakemm l-Unjoni Ewropea tatu widen, iddefenda b’saħħa l-inizjattiva.
Huwa qal li se jappoġġja kwalunkwe soluzzjoni effettiva mill-kamp Ewropew għax “soluzzjonijiet tradizzjonali ma ħadmux.”
Minkejja kawt, Abela qal lill-midja li hu jara dan il-pjan bħala sforz kbir minn pajjiżi Ewropej bħall-Albanija.