Mill-inqas 51 persuna tilfu ħajjithom wara li x-xita qalila kkawżat għargħar devastanti fin-naħa t’isfel tal-Lvant ta’ Spanja.
F’Chiva, viċin Valencia, ammont ta’ xita ekwivalenti għas-sena kollha niżel f’tmien sigħat biss, bil-kunsill lokali jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala waħda fejn huwa "impossibbli" li tingħata ċifra finali dwar kemm intilfu ħajjiet.
Filmati mxandra fuq il-midja soċjali juru l-għargħar jeqred iż-żona, billi jwaqqa’ pontijiet u jġorr il-karozzi mit-toroq. F’xi filmati jidhru wkoll nies jirkbu mal-arbli u s-siġar biex jevitaw li jinġarru minn mewġ tal-ilma.
L-awtoritajiet Spanjoli rrappurtaw il-mewt ta' mill-inqas 51 persuna nhar l-Erbgħa. Kawża tal-għargħar ukoll, ingħalqu t-toroq u twaqqaf is-servizzi tal-ferrovija f’ċerti nħawi tal-Lvant u tan-Nofsinhar ta’ Spanja.
Din hija waħda mill-agħar diżastri naturali li laqtet lil Spanja f'dawn l-aħħar snin.
Il-President tar-Reġjun ta’ Valencia, Carlos Mazón, qal li kien "impossibbli" li tingħata ċifra eżatta tal-vittmi s’issa.
Huwa qal f’konferenza tal-aħbarijiet nhar l-Erbgħa filgħodu li għad hemm nies maqbudin f’lokalitajiet li għadhom inaccessibbli.