Il-kandidat Repubblikan Donald Trump ħabbar li huwa rebaħ il-Presidenza tal-Istati Uniti kmieni l-Erbgħa filgħodu, hekk kif ir-riżultati indikaw li kien fil-quċċata biex jirbaħ lil Kamala Harris, f’ritorn għall-White House.
Trump indirizza lill-partitarji ġewwa l-kwartieri tal-kampanja tiegħu fi Florida, flimkien ma’ martu Melania u wħud minn uliedu.
Sa issa l-uniku stazzjon li ddikjarah bħala rebbieħ kien Fox News, l-ebda nstazzjon ieħor Amerikan ma għamel dikjarazzjonijiet uffiċjali.
“Aħna ser ngħinu lill-pajjiż ifieq,” qal Trump waqt l-indirizz tiegħu. “Din hija rebħa politika li l-pajjiż qatt ma ra bħalha qabel.”
Skont il-midja Amerikana, Trump rebaħ l-istati ta’ Pennsylvania, Georgia u North Carolina, filwaqt li kien qed imexxi f’bosta stati oħra.
Il-president Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Indjan Narendra Modi, u l-kap tal-NATO Mark Rutte kienu fost l-ewwel li awguraw lil Trump fuq ir-rebħa tiegħu. Anki l-Prim Ministru Malti Robert Abela għadda t-tislima tiegħu, fejn qal li kien ħerqan li jaħdem ma’ Trump sabiex “iwasslu l-paċi, l-istabbiltà, u l-prosperità li jistħoqqilhom in-nies madwar id-dinja.”
Fuq in-naħa opposta, l-atmosfera fis-sede ta' Harris kienet waħda ta' swied il-qalb. Cedric Richmond, ko-president tal-kampanja ta’ Harris, qal li minkejja li l-viċi president ma kellha xejn x'tgħid dak il-lejl, kienet mistennija tindirizza l-partitarji l-għada.
Id-dinja kollha qed tistenna l-effetti li se jkollha l-politika nazzjonalista ta’ Trump fuq is-sħubijiet Amerikani mal-Ewropa u l-Asja, hekk kif l-eks president reġa’ kkonferma l-lealtà tiegħu lejn figuri awtoritarji bħal Vladimir Putin.
AQRA WKOLL: ‘L-elezzjonijiet Amerikani iżjed milli fuq Malta, se jkollhom impatt fuq l-Unjoni Ewropea’
Trump, l-ewwel president Amerikan f’aktar minn mitt sena li reġa’ ntgħażel wara li tilef elezzjoni, wiegħed li se jmexxi “l-Amerika lejn saħħa, sigurtà u prosperità” f’diskors rebbieħ qabel l-erbgħa ta’ filgħodu fi Florida.
Harris għadha ma kkonċedietx it-telfa.