Iżda ILLUM hi infurmata li l-ftehim se jaqdi biss lil 550 pazjent, li jfisser 14.5% biss tal-pazjenti li hemm fuq il-lista tal-istennija għal MRI. Il-ftehim li ġie ffirmat mill-gvern kien jagħmel tajjeb għal 275 MRI mingħand St James u 275 test minn Da Vinci.
Skont estimi li għamlet din il-gazzetta, kollox jindika li dan il-ftehim li daħal għalih il-gvern se jiġi jiswa madwar mitt elf ewro.
Oriġinarjament, Chris Fearne kien irrifjuta li jagħti dettalji dwar l-ispiża tal-ftehim peress li dawn huma kummerċjalment sensittivi. Madankollu hu kien sostna li dawn mhux se jiġu jiswew ħafna aktar minn dawk li jsiru fl-isptar Mater Dei. Hu kien indika li bħala medja, test tal-MRI jiswa bejn €150 u €190.
Kelliema għas-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa rrifjutat milli tikkonferma dawn id-dettalji tal-ftehim.
Fir-risposta tagħha għal mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta, il-kelliema qalet biss li l-inizjattiva tuża l-aspett ta’ private-public partnership biex isir użu aħjar tar-riżorsi f’Mater Dei.
“L-inizzjattiva miexja on track. Bħalissa ftit ġimgħat wara li bdiet, bdejna nsejħu pazjenti li ilhom fil-waiting list bejn sitt xhur u sena. Fl-ewwel ġimgħat sejjaħna lil dawk li kienu ilhom fuq il-waiting list għal aktar minn sena,” sostniet il-kelliema.
Hi ma rrispondietx jekk il-gvern hux se jirrikorri għal ftehim ieħor bħal dan, iżda tenniet il-wegħda tal-gvern li b’din is-sħubija mal-isptarijiet privati il-lista ta’ stennija se tinżel minn sentejn għal tliet xhur fi żmien sena.
Fiż-żmien li ġie ffirmat il-ftehim f’April li għadda, kull min jitlob appuntament għal MRI kien jingħata appuntament fl-2016. Bil-gvern jikkunsidra dan bħala perjodu inaċċettabbli, kien ġie deċiż li t-testijiet tal-MRI fl-isptar Mater Dei jiżdiedu minn 30 MRI kuljum fl-2012, għal 55 test kuljum din is-sena.