Malta Enterprise tniedi żewġ programmi ġodda għall-esportazzjoni
More in Kronaka
Il-Malta Enterprise nediet żewġ programmi ġodda għall-esportazzjoni. Permezz ta’ dawn il-programmi se jkunu qed jitqassmu €485,000 f’għajnuna lill-industrija biex tesporta oġġetti manifatturati lokalment. Il-programmi huma mmirati għal industriji li huma ġodda għall-esportazzjoni kif ukoll għal dawk li jridu jespandu s-swieq eżistenti li jesportaw lejhom.
Dr Mario Vella, ċermen ta’ Malta Enterprise, qal li l-korporazzjoni qed taħdem biex tgħin lill-industrija lokali tikber u tespandi, partikolarment biex tesporta l-prodott tagħha. Huwa sostna li biex tagħmel dan, Malta Enterprise qiegħda tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid biex ittejjeb u ssaħħaħ il-programmi u skemi li toffri lin-negozji u l-industrija. Go Global u Go Growth huma żewġ programmi li rriżultaw minn dan il-proċess, filwaqt li oħrajn se jkunu mnedija fiż-żmien li ġej.
Il-programm imsejjaħ Go Global, jiffoka fuq kumpaniji li d-dħul tagħhom li huwa ġġenerat mill-esportazzjoni huwa ta’ anqas minn 20%. Dan jinkludi analiżi b’xejn ta’ kemm il-kumpanija tkun imħejjija għall-esportazzjoni, taħriġ fl-immaniġġjar tal-esportazzjoni kif ukoll assistenza finanzjarja għal stħarriġ tax-xejriet tas-suq kif ukoll għajnuna b’inizjattivi li jippromwovu l-esportazzjoni.
Il-kompetizzjoni Global Growth hija kompetizzjoni fejn tnax-il pjan ta’ żvilupp jintgħażlu biex jingħataw assistenza biex dan il-pjan ikun implimentat fuq medda ta’ tliet snin b’ko-finanzjament ta’ 50%. Suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna tista’ tlaħħaq sal-massimu ta’ €80,000 kull tliet snin.
ILLUM tkellem ukoll mal-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona li meta mistoqsi dwar min se jgawdi minn dawn li skemi saħaq li dawn huma skemi intenzjonati speċifikament biex jagħtu spinta l-aktar lill-kumpaniji żgħar u medji u li għadhom fil-fażi inizjali jew esplorattiva fejn tidħol l-esportazzjoni tal-prodotti u servizzi tagħhom. Il-Ministru Cardona qal ukoll li l-Malta Enterprise qed tistenna li l-kumpaniji li jgawdu minn dawn l-iskemi jkollhom pjanijiet biex jesportaw prodotti u servizzi innovattivi. Cardona qal ukoll li l-Malta Enterprise se tkun qed tipprovdi lil dawn il-kumpaniji bi 15 il-siegħa ta’ konsulenza permezz ta’ Business Advisors. Xogħol il-Business Advisors se jkun li jgħinu lill-kumpaniji fil-preparazzjoni tagħhom sabiex jidħlu fis-suq tal-esportazzjoni. Il-Ministru esprima t-tama li jkun hemm diversità ta’ kumpaniji li japplikaw għal dawn il-programmi.