Xogħlijiet fiċ-Ċittadella fl-eqqel tal-istaġun turistiku

Uħud mill-gwidi qed jispiċċaw ma jiqfux fiċ-Ċittadella minħabba x-xogħol li hemm għaddej
Uħud mill-gwidi qed jispiċċaw ma jiqfux fiċ-Ċittadella minħabba x-xogħol li hemm għaddej
Uħud mill-gwidi qed jispiċċaw ma jiqfux fiċ-Ċittadella minħabba x-xogħol li hemm għaddej
Uħud mill-gwidi qed jispiċċaw ma jiqfux fiċ-Ċittadella minħabba x-xogħol li hemm għaddej

Is-suċċess fil-qasam tat-turiżmu f’pajjiżna qed iħalli l-frott mixtieq tant li figuri mħabbra ħmistax ilu juru żieda ta’ 12% fl-ammont ta’ turisti li żaru Malta f’April filwaqt li n-nefqa totali tat-turisti fl-istess xahar kienet tammonta għal €114.7 miljuni, jiġifieri żieda ta’ 13% fuq April tas-sena l-oħra. Dan is-suċċess qed jinkiseb permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-Gvern u l-Awtorità Matlija tat-Turiżmu flimkien ma’ partijiet oħra interessati f’dan il-qasam.

It-turiżmu jirrikjedi wkoll ċerta attenzjoni tant li l-ġimgħa l-oħra s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon ħabbar l-inizjattiva Break Time bil-għan li jitwaqqaf xogħol ta’ twaqqigħ u eskavazzjoni f’żoni turistiċi sabiex jimminimalizza l-inkonvenjent fuq it-turisti, liema miżura ġiet milqugħa tajjeb ħafna.

Iżda din il-ġimgħa, ILLUM irċieva numru ta’ ritratti li juru ammont konsiderevoli ta’ xogħol li bħalissa jinsab għaddej fiċ-Ċittadella t’Għawdex, post li hu inkluż f’kull ġurnata ta’ viżta għan-numru kbir ta’ turisti li jżuru l-gżira Għawdxija ta’ kuljum. Ir-ritratti juru turisti mexjin qalb ix-xogħlijiet li żgur mhux qed jinżlu tajjeb mal-viżitaturi.

Din is-sitwazzjoni qed tkun ta’ detriment għat-turisti fejn anke xi gwidi turistiċi qed jinfurmaw lit-turisti nfushom li minħabba xogħlijiet estensivi u għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-waqfa fiċ-Ċittadella qed tinqabeż.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ILLUM bagħat dawn ir-ritratti lill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fejn staqsejnieh jekk l-inizjattiva Break Time tapplikax ukoll għal Għawdex. Staqsejnieh ukoll jekk wasalx iż-żmien li permessi ta’ xogħlijiet f’żoni turistiċi, kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex, għandhomx joħorġu b’konsultazzjoni sħiħa mal-Ministeru tat-Turiżmu u jekk hux se jittieħdu xi passi biex is-sitwazzjoni f’Għawdex tkun irranġata immedjatament.

Fit-tweġiba tiegħu Zammit Lewis qalilna li l-inizjattiva Break Time tapplika kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex. Qal li l-fatt li ma jsirx xogħol ta’ twaqqiegħ jew eskavazzjoni, kif tistipula din l-obbligazzjoni legali, iwassal għal ambjent aħjar fiż-żoni turistiċi u għalhekk l-aqwa prodott u servizz possibbli għan-numru rekord ta’ turisti li qed iżuru lil Malta u lil Għawdex bħalissa. 

Qal ukoll li diġà twaqqaf xogħol f’diversi żoni ta’ pajjiżna fejn is-siti, li fuqhom kien qed isir ix-xogħol ta’ twaqqiegħ jew eskavazzjoni, treġġgħu lura għan-normal inkluż fil-gżira Għawdxija fosthom f’Marsalforn fejn twaqqaf xogħol li kien qed joħloq trabijiet, b’inkonvenjent għall-pubbliku.

Zammit Lewis qal li x-xogħol fiċ-Ċittadella huwa parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u, jekk ma jiġix rispettat iż-żmien ta’ skadenza, jintilfu l-fondi Ewropej. F’dan il-każ partikolari għalhekk irid jinħoloq bilanċ bejn l-aspett turistiku u x-xogħol effiċjenti li jrid jitlesta fil-ħin. Dan jista’ jsir billi jiġu implimentati l-aqwa prattiċi fil-ġestjoni tas-sit.

Temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jaħdem b’enerġija fis-settur tat-turiżmu b’konsultazzjoni u kooperazzjoni bejn il-Ministeri kollha, s-settur privat u l-poplu Malti u Għawdxi in ġenerali sabiex dan il-qasam ikompli jirnexxi u jirreġistra titjib. Dan billi nibqgħu noffru esperjenza mill-aqwa lit-turisti li jżuruna għall-ġid tal-ekonomija, u għalhekk tal-familji u negozji, ta’ pajjiżna.

Tkellimna wkoll mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo fejn anke bagħtnielu kopja tar-ritratti. Arrigo qal li, li tieqaf mix-xogħlijiet kbar fis sajf huwa importanti, mhux biss għan-numru ta’ turisti li jżuru lil Għawdex iżda wkoll għax it-turisti jkunu qed iħallsu l-ogħla rati li hemm tul is-sena kollha. Arrigo spjega kif turist li llum jgħaddi minn Triq il-Kosta sa Għawdex jara biss xogħlijiet meta dan it-turist ġie għal btala. 

Tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ koordinament aħjar bis-sehem sħiħ tal-Gozo Tourism Association, il-Kunsilli lokali konċernati kif ukoll ta’ kumitati ta’ żoni turistiċi li skont Arrigo, donnhom hemm ukoll għandhom diffikultà u ndħil fl-operat tagħhom.

Arrigo insista li jekk ix-xogħol ma jitwaqqafx, dan se jkollu riperkussjonijiet fit-tul. Għawdex jinbiegħ bħala destinazzjoni jew post alternattiv u iktar kwiet minn Malta u mhux għat-trab u storbju.

ILLUM tkellem ukoll ma’ Joe Muscat – Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija li minn naħa tiegħu qalilna li l-GTA taqbel mal-inizjattiva Break Time għaliex xogħol ta’ skavar u twaqqiegħ mill-industrija tal-kostruzzjoni mhux ser ikun permess bejn nofs Ġunju u Settembru. Din l-inizjattiva qed tkopri diversi postijiet turistiċi ġewwa Għawdex ukoll. Fost dawn insibu żoni turistiċi bħal Marsalforn, Xlendi u l-Imġarr, il-bajjiet tar-Ramla u d-Dwejra kif ukoll diversi toroq fir-Rabat u x-Xagħra. Madanakollu ic-Cittadella fir-Rabat Ghawdex mhix fil-lista kif imhabbra fl-inizjattiva Break time u ghalhekk hija ezenti minn din id-direttiva. 

Muscat zied jghid li dawn Ix-xoghlijiet li qed isiru fic-Cittadella huma parti minn progett shih li huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja, li t-twettiq u t-tlestija ta’ dan il-proġett huma marbut wkoll b’terminu taż-żmien.

Qal ukoll li l-GTA dejjem saħqet li għandu jkun hemm iktar kollaborazzjoni u konsultazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-MEPA b’mod speċjali fejn jidħlu strateġiji u linji gwida. Dan għaliex ma jistax ikun hemm żvilupp turistiku li jkun sostenibbli jekk dawn iż-żewġ Awtoritajiet ikunu konflinġenti fir-regolamenti tagħhom. Għaldaqstant il-GTA temmen li l-permessi għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni f’żoni turistiċi fil-gżejjer Maltin għandhom jinħarġu b’konsultazzjoni kemm mal-Ministeru tat-Turiżmu kif ukoll l-Awtorità Maltija għat-turiżmu.

Joe Muscat temm jgħid li l-GTA hija kkonċernata li dawn ix-xogħlijiet fiċ-Cittadella qed joħolqu inkonvenjent anke lit-turisti li jżuru dan il-post tant popolari. Għaldaqstant appella lil minn huwa kkonċernat u inkarigat sabiex jittieħdu dawk il-miżuri kollha possibbli sabiex dawn ix-xogħlijiet joħolqu inkonvenjent mill-inqas. Barra minn hekk, żied jgħid Muscat, Għawdex kollu huwa żona turistika u għalhekk hu importanti li l-iżvilupp li jkun qed jitwettaq ma jkunx qed jagħmel ħsara jew ixekkel il-potenzjal turistiku tal-gżira Għawdxija.

More in Kronaka