Is-sajf u t-trade fairs

Nhar il-Ħamis fiċ-ċentru tal-konvenzjonijiet u l-fieri f’Ta’ Qali fetħet il-Fiera ta’ Malta. Din hija s-seba’ sena li l-Fiera ta’ Malta qed tittella’ f’Ta’ Qali. Ħafna jiftakru li din kienet issir in-Naxxar, liema sit kien jipprovdi medda vasta t’art fejn numru kbir ta’ ditti kienu jippromwovu diversi offerti speċjali.

Iċ-ċaqliq tal-fiera minn Naxxar għal Ta’ Qali fl-2007 kien milqugħ b’reazzjonijiet differenti u għalkemm issa għaddew seba’ snin, xorta għad hawn min jinsisti li l-fiera m’għadhiex dik li kienet. Fin-Naxxar kien hemm numru ta’ swali kbar u mijiet t’esebituri kif ukoll paviljuni mtella’ minn pajjiżi barranin u wkoll esebizzjonijiet ta’ annimali. Għal oħrajn iżda, it-tinda ta’ Ta’ Qali b’arja kkundizzjonata hi apprezzata ferm iżjed.

Iżda għal dawk li jinsistu li kienu jippreferu l-fiera fin-Naxxar, din is-sena se jkollhom l-opportunità ta’ fiera oħra apparti dik ta’ Ta’ Qali. Dan hekk kif il-kumpanija Expo Events se ttella’ dik li qed tissejjaħ Il-Fiera l-Kbira f’Monte Kristo Estates f’Ħal Farruġ bejn l-10 u l-20 ta’ Lulju.

ILLUM tkellem ma’ Luke Gatt, Direttur Maniġerjali ta’ Expo Events, organizzaturi tal-Fiera l-Kbira li qalilna li l-kumpanija investiet f’riċerka li wriet li l-pubbliku jippreferi trade fair fil-miftuħ, u li allura sservi ta’ ħarġa għall-familja kollha.

“Ir-riċerka wriet b’mod mill-aktar ċar li l-pubbliku jippreferi l-istil li kien jintuża n-Naxxar fejn dak li jkun seta’ jqatta’ naqra ħin mal-familja f’ambjent miftuħ filwaqt li jixtri dak li jkollu bżonn bi prezzijiet jew b’offerti vantaġġużi” qal Luke Gatt.

Hu spjega li l-għażla li l-fiera ssir f’Monte Kristo Estates tirrifletti dan l-istħarriġ. Jidher li dan kien ukoll format preferut mill-kumpaniji lokali li mill-ewwel apprezzaw l-għażla tal-post u bbukkjaw l-istand tagħhom. Is-Sur Gatt qalilna li fil-Fiera l-Kbira se jkun hemm aktar minn 200 esebitur, li prattikament ħatfu l-okkażjoni minnufih. 

“Il-Fiera l-Kbira se tkun it-trade fair kif nafuha sa ftit snin ilu. L-ambjent sabiħ ta’ Monte Kristo Estates ukoll huwa biżżejjed biex nilħqu dan l-iskop. Meta żżid ’il fuq minn 100 impjegat dedikati speċifikament għad-divertiment, 70 żiemel u anke aktar minn 3,000 annimal fil-park tal-annimali, huwa evidenti li din se tkun fiera li wieħed m’għandux jitlef” qal Luke Gatt.

 

ILLUM jitkellem ma’ numru ta’ nies dwar il-fieri li tawna dawn il-kummenti:

Christine Borg Chircop: In-Naxxar kien komdu u spazjuż. Kemm ilha ssir Ta’ Qali ma tantx kelli ħajra mmur. Monte Kristo hemm iktar kobor. Nistennew u naraw.

Alison Casha: Għalkemm il-kunċett ta’ fiera jidher li qed jispiċċa minħabba offerti li l-kumpaniji jagħmlu matul is-sena kollha, huwa sabiħ li jerġa’ jkollna fiera nazzjonali. Però naħseb li tnejn eżatt wara xulxin huma wisq għas-suq Malti, apparti li jpoġġi pressjoni ikbar fuq il-kumpaniji.

Marina Galea: Nemmen li tkun tajba Monte Kristo avolja jien ma nersaqx fejn ikun hemm il-folol. Tajjeb li ssir Monte Kristo ħalli n-nies jaraw f’liema stat iżommu l-annimali u forsi jagħmlu xi ħaġa dwarha!

Catherine Mifsud: Min jorganizza fiera f’dawn il-jiem se jkollu sfida doppja. Minn mindu l-fiera spiċċat minn Naxxar donnu tilfet mill-popolarità. Issa barra li se jsiru żewġ fieri fl-istess żmien, ma ninsewx li għaddejja t-Tazza tad-Dinja li din is-sena ħadet xejra interessanti u jidher li hawn interess fiha anke mill-Maltin. Fieri bħal dawn iservu aktar ta’ ħarġa milli fil-fatt iservu ta’ kummerċ għall-esebituri.

Margaret Buhagiar: Kemm ilha li l-fiera mxiet lejn Ta’ Qali qatt ma mort u allura ma nafx xi jkun hemm. Però naf min imur u li jgħid li n-Naxxar kienet tkun ferm aħjar. Ta’ Monte Kristo jidhirli li aktar se tkun bħala attrazzjoni għall-familja. Naf li smajt xi reklam dwarha fuq it-televixin.

Marica Borg: Tajjeb li jkun hemm fiera oħra għax hekk in-nies jitqassmu u forsi ma jkunx hemm daqshekk rassa ta’ nies.

Melita Farrugia: Jien m’iniex persuna li mmur il-fiera u darba naf li mort. Però li jkun hemm fiera oħra f’post ieħor naħseb li tiġbed in-nies.

Giselle Degiorgio: Ma nħobbx immur trade fairs u ssir fejn issir ma mmurx. Però niftakar dik li kienet issir in-Naxxar.

Rose Saliba: In-nies ifittxuhom il-fieri speċjalment għax ikun hemm l-offerti u jservu wkoll ta’ ħarġa għall-familja però jien m’iniex waħda milli nfittixhom għax fejn ikun hemm mases ta’ nies niddejjaq.

Moira Abela: Kont immur in-Naxxar meta kont tifla mal-ġenituri però llum m’iniex waħda li nfittixhom.

Charmaine Attard Borg: Tajjeb li jkun hemm fiera oħra speċjalment għan-nies tan-Nofsinhar ta’ Malta. Li jbeżżagħni ftit Monte Kristo hu l-parkeġġ.

Alison Agius: Kif sa tkun il-fiera ta’ Monte Kristo ma nafx peress li l-ewwel darba, però l-fiera f’Ta’ Qali ma tgħid xejn. Fl-opinjoni tiegħi u miegħi hawn ħafna li jaqblu, bħal fiera tan-Naxxar m’hawnx. L-ambjent kien jilqgħek waħdu u l-istands kienu mqassmin ħafna aħjar. 

Natalie Bonnici: Ili ma mmur fiera żmien u għomor!

Lucienne Formosa: Personalment naħseb li meta kienet issir in-Naxxar in-nies kienu jattendu iktar bi ħġarhom inkluż l-ewwel waħda jiena. Naħseb li l-fiera kien posta n-Naxxar u li Ta’ Qali, avolja issa ndrat min-nies, ma naħsibx li laħqet l-aspettativi tagħhom. Ħafna stands li kienu jkunu preżenti n-Naxxar m’għadhomx jarmaw f’Ta’ Qali u għalhekk naħseb ukoll li l-attendenza u l-bejgħ naqas. Il-fatt li issa se jkun hemm żewġ fieri wara xulxin hu aħjar għax ikolli ċans immurhom it-tnejn u nara x’joffru.

More in Kronaka