Pjan li kien ilu mħejji ħames snin

It-tieni parti

Carmelo Bartolo, li saq l-ajruplan Piper Lance
Carmelo Bartolo, li saq l-ajruplan Piper Lance

Il-qtil tal-Kap u l-Fundatur tal-Moviment Islamiku Jihad, Fathi Shqaqi, li seħħ nhar il-Ħamis, 26 ta’ Ottubru 1995 fis-1.15pm quddiem il-Lukanda Diplomat fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema, kien ħalla ħafna mistoqsijiet dwar kemm Malta kellna sigurtà. Dan l-omiċidju kien att terroristiku li seħħ f’pajjiżna u li kien ilu ppjanat mill-inqas ħames snin. 

Shqaqi kien miexi fuq il-bankina, wara li mar jixtri xi affarijiet fosthom rigali għat-tfal. Kif wasal quddiem il-Lukanda Diplomat, resaq lejh mutur fejn wieħed minnhom għajjatlu b’ismu propja. Kif sema’ ismu, Shqaqi nħasad u kif dar biex jara min sejjaħlu ġew sparati sitt tiri ta’ pistola.

Shqaqi ntlaqat f’moħħu u fuq wara ta’ rasu u miet mill-ewwel fuq il-bankina fejn spiċċa wiċċu ’l isfel f’għadira demm.

Ippjanat minn snin qabel

Il-pjan tal-qtil tal-Kap tal-Moviment Islamiku Jihad kien imfassal sew u sal-iċken dettall. Fl-1990, ħames snin qabel il-qtil, insterqu l-pjanċi ta’ mutur ieħor Yamaha ta’ kulur blu bin-numri Q-6904 li kienu rrappurtati misruqin minn raġel minn San Ġwann.

Meta l-Pulizija tal-Forensika eżaminaw dawn il-pjanċi rriżulta li dawn kienu modifikati barra minn Malta biex ikunu jistgħu joqogħdu eżatt fuq il-mutur li nġieb Malta biex ma jagħtux fil-għajn.

Ħaġa oħra li kienu sabu l-Pulizija kien il-petrol li kien fih il-mutur. Dan ma kienx petrol tal-Korporazzjoni Enemalta li f’Malta minnu biss jinbiegħ. Il-petrol li nstab fit-tank tal-Yamaha kien petrol li nxtara minn barra minn Malta.

Dan jindika li meta l-mutur iddaħħal f’pajjiżna fit-12 ta’ Awwissu 1995 baqa’ ma ntużax għal aktar minn xahrejn. Mhux magħruf fejn inżamm il-mutur bejn Awwissu u Ottubru u x’konnessjonjiet kellhom il-Mosad ma’ xi Maltin, jekk kien hemm Maltin involuti.

Min kien jaf il-movimenti ta’ Shqaqi?

Suppost f’Malta kienu żewġ persuni biss li kienu jafu li Fathi Shqaqi kellu jasal Malta dakinhar. Wieħed minnhom kien Libjan residenti Malta li kien responsabbli tal-booking kemm tal-vjaġġi kif ukoll tal-Lukanda Diplomat. L-ieħor kien il-Malti li mar għalih il-port u li l-għada kellu jwasslu l-ajruport biex imur Ruma fi triqtu lejn Damasku. Jekk il-Libjan kienx jaf l-identità ta’ Shqaqi, mhix xi ħaġa ċerta, imma l-Malti kien jaf biss l-isem ta’ Dr Ibrahim Ali A. Shawesh u xejn aktar.

Dawn it-tnejn kienu tqabbdu mil-Libyan Committee of Organisations for International Peace, organizzazzjoni bbażata fil-kapitali Libjana. Dawn iż-żewġ persuni ħalfu li ma kinux jafu li Shaweshi kien fil-fatt il-Mexxej tal-Jihad Islamiku, Fathi Shqaqi.

Il-ħarba minn Malta

Il-Pulizija għadha sal-lum ma tistax tikkonkludi kif iż-żewġ qattiela, u forsi anke kompliċi ieħor, ħarbu minn Malta. Kien hemm min qal li kien ra liż-żewġ suspettati l-Imsida qrib il-jott marina kemm ġranet qabel id-delitt kif ukoll ftit tal-ħin wara. Iżda teżi oħra kienet li dawn setgħu ħarbu minn Malta permezz ta’ ajruplan privat.

Dakinhar, fis-26 ta’ Ottubru, kien hemm żewġ titjiriet lejn Djerba fit-Tuneżija. L-ewwel titjira b’żewġ passiġġieri fuqha telqet għall-ħabta tal-5pm u t-tieni waħda kważi siegħa wara kellha 11-il passiġġier. Minbarra hekk kien hemm madwar 20 titjira regolari oħra li ħallew l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta dakinhar bejn is-2pm u nofsillejl.

Minkejja l-istħarriġ intensiv u vverifikar tal-embarcation cards ta’ kull passiġġier li ħalla Malta dakinhar u fil-jiem ta’ wara rriżultaw kollha fin-negattiv.

Erba’ mill-balal li laqtu lil Fathi Shqaqi
Erba’ mill-balal li laqtu lil Fathi Shqaqi
Ix-xena tal-att terroristiku b’Shqaqi mitluq fl-art f’għadira demm fuq il-bankina
Ix-xena tal-att terroristiku b’Shqaqi mitluq fl-art f’għadira demm fuq il-bankina

L-għibien tal-ajruplan Piper Lance

Rapporti f’mezzi internazzjonali kienu allegaw li ż-żewġ qattiela ta’ Shqaqi kienu ħallew Malta fuq ajruplan Piper Lance tal-kumpanija ‘Excelair’ ta’ Carmelo Bartolo. Għalkemm din l-allegazzjoni qatt ma ġiet ippruvata, jidher li s-segwaċi ta’ Shqaqi riedu jagħmlu vendetta. 

Qatt ma kien hemm xi prova li Bartolo kellu xi konnessjoni mal-qattiela jew l-organizzazzjoni li kienu jagħmlu parti minnha. Jekk il-qattiela kienu ħallew Malta bl-ajruplan Piper Lance b’żewġ magni li kien ittajjar minn Bartolo, mhux eskluż li l-istess Bartolo ma kienx jaf min huma u li għalih kienu sempliċiment żewġ klijenti.

Iżda l-istess ajruplan kien għeb fis-sigħat bikrin tat-3 ta’ Diċembru 1995 waqt titjira bejn Malta u Djerba. La l-ajruplan u lanqas il-ħames passiġġieri u Bartolo qatt ma nstabu, għalkemm għaxar xhur wara kien hemm xi żviluppi. F’Ottubru 1996 sajjieda Tuneżini kienu sabu xi fdalijiet fosthom kartiera ta’ Bartolo, ċwievet tad-dar u biċċiet tal-Piper Lance. Iżda l-awtoritajiet Tuneżini fl-ebda ħin ma identifikaw min kienu s-sajjieda li sabu dawn il-fdalijiet.

Fuq it-titjira li sparixxiet flimkien ma’ Bartolo, li kellu 47 sena minn Ħaż-Żebbuġ, kien hemm Desmond Boomer ta’ 38 sena mill-Irlanda ta’ Fuq, Michael Williams, Ingliż ta’ 49 sena, Tadeus Gorny, Pollakk ta’ 48 sena u żewġ Maltin, Philip Farrugia ta’ 43 sena u Matthew Aquilina ta’ 22 sena.

L-għibien ta’ dan l-ajruplan huwa kklassifikat bħala “inċident sfortunat” li spiċċa fil-baħar bejn Tuneż u Malta x’aktarx minħabba maltempata li kkawżat ħsarat fl-ajruplan.

Fathi Shqaqi li kien Malta taħt  isem falz
Fathi Shqaqi li kien Malta taħt isem falz

Tliet teoriji li ħarġu fil-mezzi tax-xandir barranin

L-awtur Irlandiż, Don Mullan, segwa l-każ tal-qtil ta’ Shqaqi u anke dak li seħħ wara. Fl-investigazzjonijiet li għamel, Mullan ħareġ bi tliet teoriji dwar l-għibien tal-ajruplan Piper Lance bir-reġistrazzjoni 9H-ABU ta’ Carmelo Bartolo.

Mullan kiteb li l-ajruplan ta’ Bartolo kien diġà żviluppawlu xi ħsarat waqt it-titjira minn Malta għal Djerba, iżda xorta waħda, u minkejja maltempata, Bartolo kien iddeċieda li jagħmel it-titjira lejn Malta. 

It-tieni teżi tiegħu hija li Bartolo u l-passiġġieri nħatfu minn Fundamentalisti Iżlamiċi u t-tielet li l-ħames passiġġieri kienu fil-post ħażin u l-ħin ħażin meta l-Fundamentalisti Iżlamiċi marru biex iwettqu vendetta fuq Carmelo Bartolo.

Il-mutur li għamlu użu minnu l-qattiela jinsab esebit fil-Mużew tal-Pulizija
Il-mutur li għamlu użu minnu l-qattiela jinsab esebit fil-Mużew tal-Pulizija
Il-mutur iddaħħal f’pajjiżna fit-12 ta’ Awwissu 1995 u baqa’ ma ntużax għal aktar minn xahrejn. Mhux magħruf fejn inżamm il-mutur bejn Awwissu u Ottubru u x’konnessjonijiet kellhom il-Mosad ma’ xi Maltin, jekk kien hemm Maltin involuti

Disa’ darbiet f’pajjiżna f’sentejn

Minn informazzjoni li ksibna rriżulta li Fathi Shqaqi kien ġie Malta mill-inqas disa’ darbiet fi spazju ta’ sentejn. Ġeneralment il-vjaġġi tiegħu kienu jkunu Damasku - Ruma - Malta - Tripli u lura. 

14 ta’ Diċembru 1993: Wasal Malta u dakinhar stess telaq lejn il-Libja; 

24 ta’ Diċembru 1993: Wasal minn Tripli u għamel tlett iljieli fil-Lukanda Diplomat; 

27 ta’ Diċembru, 1993: Ħalla Malta bl-ajru; 

1 ta’ Ġunju 1994: Wasal Malta u mar joqgħod fil-Lukanda Holiday Inn f’Tignè; 

2 ta’ Ġunju 1994: Ħalla Malta bl-ajru; 

28 ta’ Awwissu 1994: Wasal Malta u mar il-Park Hotel u ħalla Malta dakinhar stess; 

10 ta’ Settembru 1994: Wasal minn Tripli u mar kemm raqad fil-Park Hotel; 

11 ta’ Settembru 1994: Telaq minn Malta; 

17 ta’ April 1995: Wasal Malta bl-ajru, iżda telaq dakinhar stess lejn il-Libja; 

27 ta’ April 1995: Wasal lura minn Tripli fejn qatta’ lejl fil-Park Hotel; 

28 ta’ April 1995: Ħalla Malta bl-ajru; 

11 ta’ Ottubru 1995: Wasal Malta bl-ajru u telaq dakinhar stess lejn Tripli; 

26 ta’ Ottubru 1995: Wasal minn Tripli u mar jalloġġja fil-Lukanda Diplomat. Shqaqi kellu jħalli Malta l-għada.

Appell

Se nirrepeti l-istess appell li għamilt il-ġimgħa l-oħra biex kull min għandu xi informazzjoni jgħaddiha lill-Pulizija fuq in-numri 119 jew 21224001.

Għalkemm din il-ġimgħa xorta qed inġeddu dan l-appell, qed inkunu wkoll realistiċi u konxji li huwa diffiċli li l-Pulizija tista’ tingħata xi tip ta’ għajnuna.

More in Kronaka