Il-misteru ta’ tifla ta’ sitt snin li għebet

Miċħuda xnigħat li nstabu xi fdalijiet tagħha… iżda l-investigazzjoni tkompli

Ċetta, li meta għebet oħtha kellha 14-il sena
Ċetta, li meta għebet oħtha kellha 14-il sena
Oħta l-oħra, Marie Antoinette
Oħta l-oħra, Marie Antoinette

Minkejja li għadda aktar minn seklu mindu tifla ta’ sitt snin għebet wara li ħarġet mid-dar, Dr Joe Azzopardi, Senior Lecturer fl-Università ta’ Malta u riċerkatur, jinsab determinat li jibqa’ jfittex u jqalleb sakemm jasal għal dak li ġara 103 snin ilu.

Fis-27 ta’ Awwissu 1911, Modesta Cefai ta’ sitt snin mir-Rabat, Għawdex, għall-ħabta ta’ nofsinhar ħarġet mid-dar u baqgħet qatt ma dehret aktar. Saru diversi rapporti mal-Pulizija, iżda qatt ma kien hemm riżultati pożittivi.    

Dr Azzopardi huwa wkoll parantela tat-tifla peress li n-nanna tiegħu, Ċetta, hi oħt Modesta. Huwa qal lill-gazzetta ILLUM li l-ħolma tiegħu kif ukoll ix-xewqa tal-qraba ta’ Modesta dejjem kienet li jinstabu l-fdalijiet tagħha biex ikunu jistgħu jagħtuha d-difna li jixirqilha fil-qabar tal-familja tagħha.

Meta fis-17 ta’ Frar, 1968 kienet ħarġet xniegħa li nstabu fdalijiet umani waqt xogħol f’binja fir-Rabat stess, l-istorja ta’ Modesta Cefai reġgħet kienet fuq fomm l-Għawdxin. Saħansitra anke kienet infetħet inkjesta minkejja li s-sejba tal-għadam kienet biss xniegħa.

Il-kruċjata tar-riċerkatur Azzopardi mhux li ssir ġustizzja ma’ min kien responsabbli mill-għibien taċ-ċkejkna Modestina għax dan żgur li m’għadux ħaj, imma l-kruċjata tiegħu hi li l-familja tistrieħ darba għal dejjem jekk u meta jinstabu l-fdalijiet tagħha. It-tieni oħt ta’ Modesta hi Marie Antoinette li tiġi n-nanna tal-ġurnalist Saviour Balzan. Modesta kienet deskritta bħala tifla sabiħa b’għajnejn kbar u suwed, xagħar iswed twil innukklat, ġilda bajda u kienet tifla twila għall-età tagħha.

Minn għandu xi informazzjoni jibgħatha fuq [email protected]

Modesta Cefai, tifla ta’ sitt snin mir-Rabat Għawdex, l-aħħar li dehret ħajja kien nhar il-Ħadd, 27 ta’ Awwissu 1911 ftit qabel nofsinhar. Fil-ġimgħat li għaddew l-istorja ta’ Modesta, reġgħet tfaċċat meta ġrew xnigħat li f’post li fih qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni nstabu fdalijiet umani bħalma kienet ġriet ix-xniegħa 46 sena ilu li fl-istess post kien allegat li nstab xi għadam u kollox baqa’ mistur. 

Bl-għajnuna ta’ Dr Joe Azzopardi, Senior Lecturer fl-Università ta’ Malta u riċerkatur, il-gazzetta ILLUM akkwistat dokumenti li jinsabu fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Għawdex. Dr Azzopardi huwa wkoll parantela tat-tifla peress li n-nanna tiegħu, Ċetta, hi oħt Modesta.

Ċetta twieldet fit-18 ta’ Novembru 1896, kienet oħtha l-kbira u meta għebet Modesta, Ċetta kellha 14-il sena. Iżda Ċetta baqgħet tirrakkonta l-istorja ta’ oħtha u minn xiex kienet għaddiet il-familja.

L-istorja taċ-ċkejkna Modesta bdiet meta missierha, Giuseppe Cefai, li kien magħruf bħala ‘tal-magna’ u li kien joqgħod f’numru 24, Pjazza San Franġisk, mar jagħmel rapport għand il-Pulizija. Kien għall-ħabta tad-9pm li Giuseppe rrapporta li bintu ta’ sitt kienet ħarġet mid-dar u baqgħet ma rritornatx.

Huwa ddeskriva lil Modesta bħala tifla twila madwar tliet piedi u seba’ pulzieri, kellha xagħarha kannella nnukklat u għajnejha skuri. Hija kienet liebsa libsa roża u faldetta. Modesta kienet ħafja u kellha misluta tad-deheb.

Minnufih il-Pulizija ċċirkolaw ma’ Għawdex kollu u bdiet tfittxija fejn huwa mifhum li baqgħet sejra anke matul il-lejl. Iżda ma kien hemm l-ebda sinjal tat-tifla.

Jumejn wara l-għibien ta’ Modesta, nhar it-Tlieta, 29 ta’ Awwissu 1911 għall-ħabta tal-5pm, il-missier reġa’ mar l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat. Cefai talab biex ikellem lil xi ħadd għax kellu suspett f’persuna li seta’ kien responsabbli mill-għibien ta’ bintu.

Giuseppe allega li ċertu Lorenzo Frendo ta’ 50 sena, magħruf bħala “il-Balbulett”, kien ħataf lil bintu. Huwa kompla jallega li Modesta setgħet kienet fir-residenza tiegħu li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala 15, Strada Dietro S.Agostino Victoria, illum din saret Triq Dun Pawl Micallef. L-Aġent Spettur S. Haber ordna biex issir tfittxija fir-residenza ta’ Frendo, iżda din ukoll irriżultat fin-negattiv.

Il-Pulizija bdew jirċievu informazzjoni

L-aħbar tal-għibien ta’ tifla ta’ sitt snin ġriet ma’ Għawdex kollu. Nhar l-Erbgħa, 30 ta’ Awwissu 1911 fl-10am, il-Pulizija kienet avviċinata minn M’Anna Sacco ta’ 36 sena minn Victoria, bint Giuseppe li kien magħruf bħala “Ta’ Peppu tal-Fuħħar” u li kienet toqgħod fi Strada Conservatorio, Victoria li llum inbidlet għal Triq l-Arċisqof Pietru Pace, magħrufa bħala Triq il-Konservatorju. Hija stqarret mal-Pulizija li fis-27 ta’ Awwissu, dakinhar li Modesta għebet, għall-ħabta tal-4pm kienet rat lit-tifla fi Triq Marsalforn fl-inħawi magħrufin bħala “Għerxija.” Jidher li dan il-post huwa qrib Pjazza Savina fi Triq Mons Luigi Vella. Sacco qalet lill-Pulizija li dak il-ħin it-tifla kienet waħedha u ma kien hemm ħadd fil-viċinanzi tagħha.

Sagħtejn wara li M’Anna Sacco għamlet dan ir-rapport, il-Pulizija tkellmu ma’ Maurizio Cauchi ta’ 54 sena, iben Mikel Angelo li kien magħruf bil-laqam ta’ “Maurizju” u li kien joqgħod fi Pjazza Savina. Cauchi qal li fl-inħawi ta’ Triq Kerċem kien hemm ċarruta mċappsa bid-demm u x’aktarx kienet parti mil-libsa tat-tifla li kienet irrapportata nieqsa.

Fuq il-post intbagħat il-Kuntistabbli 214 C. Grech li eleva d-drapp. Din intweriet lil omm Modesta li min-naħa tagħha qalet li ma kinitx biċċa mil-libsa ta’ bintha. Xorta waħda l-Pulizija żammew din il-biċċa drapp.

Ir-rapport uffiċjali li għamel missier it-tifla għand il-Pulizija.
Ir-rapport uffiċjali li għamel missier it-tifla għand il-Pulizija.

Jinstema’ biki ta’ tifla żgħira

Fil-31 ta’ Awwissu tal-istess sena l-Pulizija ħasbu li seta’ kellhom ħjiel tajjeb meta waslulhom żewġ rapporti identiċi. Fit-8.30am, Rosa Micallef ta’ 40 sena li kienet toqgħod fi Triq Għajn Qatet, Victoria, qalet lill-Pulizija li fis-27 ta’ Awwissu, fl-istess ġurnata li Giuseppe Cefai rrapporta lil bintu nieqsa semgħet biki ta’ tifla jew tifel żgħir. Micallef qalet li tiftakar li semgħet il-biki għall-ħabta tas-6.15pm fl-inħawi tal-għolja Ta’ Kuljat li kien ġej mid-direzzjoni ta’ Triq Marsalforn. 

Dan ir-rapport kien ikkonfermat fl-istess ġurnata li għamlet ir-rapport Micallef minn ċertu Luigi Gatt ta’ 55 sena li kien joqgħod fl-inħawi. Gatt kien kellem direttament lill-Aġent Spettur Haber.

Sadanittant ir-rapporti dwar id-dehriet ta’ Modesta Cefai ma waqfux. Kull rapport li kien jasal għand il-Pulizija dejjem ittieħed bl-akbar serjetà u l-Aġent Spettur Haber investiga anke l-iċken informazzjoni li kienet tidħol għand il-Pulizija.

Mir-riċerka li saret minn Dr Joe Azzopardi, irriżultalu li skont l-okkorrenzi tal-Pulizija kien hemm tliet rapporti oħrajn li saru kollha fit-2 ta’ Settembru 1911.

L-ewwel rapport kien sar minn Giuseppe Grech ta’ 60 sena li kien joqgħod fi Pjazza San Franġisk, Victoria. Huwa kien mar jagħmel ir-rapport fl-Għassa tal-Pulizija fit-8am fejn qal li siegħa qabel, ftit wara s-7am, f’għalqa qrib Triq Porta Reale (Putirjal), Victoria, kien ra xkora li kien fiha xi laħam u li seta’ kien laħam uman. Fil-post indikat intbgħatu żewġ pulizija minn fejn elevaw l-ixkora li qalilhom biha Grech, iżda rriżulta li l-laħam ma kienx uman imma ta’ nagħġa mejta. Dan il-laħam ingħata lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika li kkonferma dak li kien irriżulta lill-Pulizija.

Madwar 12-il siegħa wara tal-istess ġurnata kienu saru żewġ rapporti oħrajn. Marjanna Pace ta’ 44 sena li kienet miżżewġa lil Salvatore magħruf bħala “Tal-Ħaxwex” u li kienu joqogħdu f’numru 72, Triq il-Karità, Victoria, qalet li dakinhar li Modesta ġiet irrapportata nieqsa kienet ratha. Pace allegat li għall-ħabta tal-4pm hija rat lit-tifla miexja fi Triq Vajringa u li dak il-ħin ma kien hemm ħadd mat-tifla.

Iżda skont ir-rapport li kienu daħlu l-Pulizija, ir-rapport li għamlet Pace jikkontradixxi dak li kienet għamlet M’Anna Sacco ta’ 36 sena minn Victoria, fit-30 ta’ Awwissu meta qalet li kienet rat lil Modesta fl-inħawi magħrufin bħala “Għerxija.” Din tinsab fl-inħawi ta’ salib it-toroq Mons. Vella, Triq l-Assunta, Triq Gedrin u Triq id-Dawwara Tomba.

Sacco kienet qalet li rat lit-tifla fl-istess ħin u data li qalet Pace. Skont il-Pulizija dan kien imposibbli għaliex minn fejn ratha Pace għal fejn ratha Sacco, hemm madwar nofs siegħa mixi u dawn it-tnejn qalu li raw lil Modesta fl-istess ħin.

L-aħħar okkorrenza tal-Pulizija li sibna ġġib ukoll id-data tat-2 ta’ Settembru 1911. Kienet Giovanna Grima ta’ 19-il sena, bint Francesco mlaqqam “Ta’ Żabbetta” u li kienet toqgħod f’numru 12, Pjazza S. Agostino, Victoria, illum Pjazza Santu Wistin. It-tfajla qalet lill-Pulizija li nhar il-Ħadd, 27 ta’ Awwissu 1911, u ċoé dakinhar li Modesta ġiet irrapportata nieqsa, rat lit-tifla qrib is-Salib fi Pjazza S. Agostino għall-ħabta tas-1.45pm. Anke Grima stqarret li meta rat liċ-ċkejkna din kienet waħedha.

Il-post fi Triq il-Palma fejn allegatament instab xi għadam uman
Il-post fi Triq il-Palma fejn allegatament instab xi għadam uman

Tinfetaħ inkjesta 46 sena ilu 

Sadanittant ix-xnigħat dwar l-għibien ta’ tifla ta’ sitt snin komplew fis-snin ta’ wara. Dwar l-allegat raġel li suppost ħataf lil Modesta, kien intqal li dan kien stupraha u wara li qatilha difinha f’arkata, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala mramma f’binja fi Triq Palma li tinsab żewġ minuti bil-mixi ’l bogħod minn fejn kienet toqgħod il-familja ta’ Modestina.

Meta fi Frar tal-1968 kien qed isir xogħol ta’ ristrutturar f’din il-binja fi Triq il-Palma, reġgħet infetħet inkjesta biex issir tfittxija għall-fdalijiet ta’ Modesta Cefai iżda baqa’ ma nstab xejn. 

Għadu mhux magħruf għala reġgħet infetħet l-investigazzjoni u kien hemm min qajjem diversi mistoqsijiet fosthom jekk kienx hemm xi ħjiel jew evidenza ġdida. Forsi xi ħadd seta’ tkellem? 

Meta fil-ġimgħat li għaddew kien qed jerġa’ jsir xogħol fl-istess post, dan twaqqaf mis-Sopratendenza tal-Wirt Kulturali minħabba bini storiku li hemm imiss ma’ dak fejn qed isir ix-xogħol. 

Kif ix-xogħol twaqqaf, għal darb’oħra f’Għawdex imxiet ix-xniegħa li dan sar għax kien instab xi għadam uman u li dan seta’ kien tat-tifla. Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil ILLUM li mhu veru xejn li nstab xi għadam la uman u lanqas mhux uman.

Ħafna Għawdxin jgħidu li l-istorja ta’ Modesta Cefai, li kien hemm min sejħilha wkoll Modestina, saret biss leġġenda. Min-naħa l-oħra l-qraba tagħha xorta jixtiequ li jkollhom is-sodisfazzjon ta’ x’ġara eżatt mit-tifla ta’ sitt snin minkejja li għaddew aktar minn 100 sena mindu għebet.

Dr Joe Azzopardi qalilna li minkejja l-ġenerazzjonijiet li għaddew, bħala riċerkatur se jibqa’ jfittex u se jkompli jfittex sakemm jasal għal verità.

“Se nibqa’ nfittex u nqalleb sakemm nasal għal dak li ġara 103 snin ilu. Il-ħolma tiegħi u x-xewqa tal-qraba ta’ Modestina dejjem kienu li jinstabu l-fdalijiet tagħha biex inkunu nistgħu nagħtuha d-difna li jixirqilha fil-qabar tal-familja tagħha”, temm jgħid Dr Azzopardi.

More in Kronaka