Il-mottiv qatt ma ġie stabbilit

"Meta Martin daħal fil-karozza kien mhedded bl-arma li qatluh biha. Minn ħaduh fuq l-irdum u qatluh" - missier il-vittma

Martin Muscat inqatel b’sitt tiri ta’ pistola fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli
Martin Muscat inqatel b’sitt tiri ta’ pistola fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli
Maria, oħt Martin
Maria, oħt Martin
Nikol Muscat, missier il-vittma
Nikol Muscat, missier il-vittma

Nhar il-Ħamis, 9 ta’ Ottubru 1992, Martin Muscat inqatel b’sitt tiri ta’ pistola. Qtil ieħor mhux solvut li iżda għadu qed ikun investigat mill-Pulizija. Minkejja ħafna suspetti, l-investigaturi m’għandhomx provi biżżejjed biex ikollhom każ sod quddiem il-Qorti.

Dan il-qtil kien mimli sorpriżi u misteri tant li l-mottiv wara dan il-qtil qatt ma ġie stabbilit. Għaldaqstant l-ikbar mistoqsija tibqa’ – Martin Muscat, li qatt ma kellu inkwiet ma’ ħadd, inqatel għax rifes xi kallu u sar jaf b’xi ħaġa forsi anke b’mod innoċenti?

Spiċċa mitluq f’xifer l-irdum

Milqut diversi drabi bl-arma tan-nar, Martin spiċċa mitluq wiċċu ’l isfel f’xifer l-irdum bil-parti ta’ quddiem ta’ ġismu mdendla għal isfel. Kif inhi t-triq il-kadavru ma setax jidher la jekk tkun għaddej b’karozza u lanqas bil-mixi jekk ma tersaqx lejn xifer l-irdum. L-investigaturi jemmnu wkoll li wieħed mill-qattiela kien jaf sew il-post.

Minkejja li ntlaqat minn sitt tiri, demm qrib il-kadavru ma tantx kien hemm tant li għall-ewwel kien maħsub li seta’ nqatel f’post ieħor u l-kadavru ntrema hemm bil-qattiela ma jkollhomx ħin jitfgħuh għal isfel fejn hemm għoli ta’ aktar minn 11-il sular. Iżda meta l-Pulizija dawru l-kadavru sabu għadira demm taħtu kif ukoll sitt skrataċċ.

Jinstab minn turist

Il-kadavru ta’ Muscat instab minn turist Ġermaniż, Peter Lachmann li dak iż-żmien kellu 45 sena. Kien għall-ħabta tat-2.45pm meta Lachmann kien għaddej mill-inħawi ta’ Ġebel Ciantar max-xifer tal-irdum igawdi l-veduta bil-gżira ta’ Filfla taħtu. Kif għolla wiċċu ra l-kadavru nofsu mdendel minn fuq biċċa blata. B’xokk fuqu l-Ġermaniż mar jagħmel rapport għand il-Pulizija.

Għal dan it-turist kienet l-aħħar ġurnata tiegħu hawn Malta peress li kellu jitlaq l-għada. Għaldaqstant il-Pulizija kienu kellmuh fit-tul dakinhar stess.

“Meta Martin daħal fil-karozza kien mhedded bl-arma li qatluh biha. Minn hemm ħaduh fuq l-irdum u qatluh” – Nikol Muscat, missier il-vittma

Il-familja ta’ Martin

Dwar dan il-qtil kont tkellimt mal-qraba ta’ Martin fosthom il-ġenituri Nikol u Anna Muscat kif ukoll ma’ oħtu Maria u mal-armla tal-vittma, Diane Micallef, li meta nqatel Martin kienu ilhom inqas minn sena miżżewġin. 

Martin kien bniedem ta’ għalih waħdu. Qatt ma fetaħ qalbu ma’ ħadd, la ma’ oħtu u lanqas ma’ ħuh li kien qrib ħafna tiegħi. 

Meta kont staqsejt fejn kienu fil-ħin li nstab il-kadavru ta’ Martin mit-turist Ġermaniz, Nikol kien qalli li dak il-ħin kienu kollha d-dar. Kien għamel il-lejl kollu barra u filwaqt li martu Anna u t-tfal kienu d-dar xorta ma raqdux minkejja li kienu għajjenin. 

Kien l-eks Kummissarju tal-Pulizija, John Rizzo, dak iż-żmien kien Spettur. Kien hu li ta l-aħbar lill-ġenituri li kienu sabu l-kadavru ta’ Martin. B’xi mod Nikol kien għamel ftit kuraġġ u mar ma’ Rizzo fuq il-post fejn sabu lil Martin mejjet fuq l-irdum f’Ġebel Ciantar, f’Ħad-Dingli.

Oħtu Maria, kienet irrakkontatli li kienet ma’ ħuha Kevin fi triqithom lejn id-Depot tal-Pulizija u kif waslu s-Saqqajja raw il-hearse tal-Pulizija tiela’. Maria ħasset li dik kienet sejra għal Martin u qalet lil Kevin li “naħseb li sabu lil Martin.”

Għaldaqstant Kevin wassal lil oħtu d-dar u hu baqa’ sejjer biex imur wara l-hearse tal-Pulizija.

Meta staqsejt lil Anna jekk sakemm kienet għadha għaddejja t-tfittxija, kellhomx tama li jista’ jinstab ħaj, hija qalet li qalbha mill-ewwel ħebbritha. “Għidtilhom, it-tifel mejjet fejn qiegħed. Martin qatt ma ttardja kull fejn mar. Qatt ma għamel xi ħin barra tard jekk ma tkunx xi okkażjoni bħal xi tieġ.” 

Min-naħa tiegħu Nikol qalli li ma setgħux ikunu jafu li ma kienx mar id-dar. Il-mara li kellu, Diane, informathom xi l-10.30pm u qaltilhom li Martin ma kienx mar id-dar. Kif qaltilhom hekk ċemplu mill-ewwel lill-Pulizija. 

Tama biss, imma qatgħu qalbhom

Erġajt tkellimt ma’ Nikol, missier Martin, illum għandu 71 sena kif ukoll oħt il-vittma, Maria Vassallo ta’ 35 sena. 

Minkejja li għaddew 21 sena, il-familja għadha tfittex li ssir ġustizzja, imma tant ġew imwegħdin diversi drabi minn diversi uffiċjali tal-Pulizija li se jsolvu l-każ u kollox baqa’ kif kien 21 sena ilu, “li issa qtajna qalbna li xi darba l-qtil ta’ ibni jissolva”, qalli Nikol.

“Dażgur li għadna nfittxu li ssir ġustizzja. Fuq kollox qegħdin nitkellmu fuq it-tifel il-kbir. L-ewwel wild” saħaq il-missier.

Dwar l-aħħar movimenti ta’ Martin, il-ġenituri tiegħu qaluli li bħas-soltu Martin wara x-xogħol kien jgħaddi għal ftit ħin għandhom qabel imur id-dar. Nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Ottubru ma kinitx eċċezzjoni. 

Martin kien qalilhom li fis-7pm kellu jiltaqa’ ma’ kuġinuh George biex jieħdu għand bennej li kien joqgħod faċċata tiegħu f’Ħad-Dingli stess. Iżda dakinhar la ma’ George u lanqas mal-bennej ma ltaqa’.

“Li nafu huwa li ġurnata qabel ma nstab maqtul xi ħin bejn il-5.30pm u s-6.30pm Martin mar jixtri minn ħanut tal-merċa f’Ħad-Dingli. Jien ikolli ngħid li kienu qegħdin isegwu l-passi tiegħu u peress li l-karozza li kellu ma kinitx tissakkar kif kien fil-ħanut daħal xi ħadd fil-karozza. Meta Martin daħal fil-karozza kien mhedded bl-arma li qatluh biha. Minn hemm ħaduh fuq l-irdum u qatluh. Żgur li ma kienx bniedem waħdu imma mill-inqas tnejn”, qalli Nikol.

Dwar jekk kinux iżommu kuntatt mal-investigaturi, missier Martin kien qalli li dak iż-żmien kienu b’kuntatt dirett ma’ John Rizzo u kienu jmorru ta’ spiss id-Depot, iżda qatt ma qalulhom li kienu waslu biex isolvu l-każ jew jekk kienx hemm xi ħjiel. Meta John Rizzo laħaq Supretendent, il-każ għadda f’idejn spettur ieħor u kien hemm żmien li ma semgħu xejn aktar. 

Skont Nikol kien meta twaqqfet l-Iskwadra tal-Omiċidji li l-affarijiet bdew jiċċaqalqu. Huwa qalli li kien ikellem lill-Ispettur Chris Pullicino, il-Kap tat-Taqsima tal-Omiċidji. Iżda għaddew is-snin u ma semgħu xejn aktar.

Inqatel inqas minn sena wara li żżewweġ

Fis-26 ta’ Ottubru, 1991 Martin u Diane iżżewġu. Kienu ilhom jafu lil xulxin madwar sitt snin. Martin inqatel 17-il ġurnata qabel kienu se jiċċelebraw l-ewwel anniversarju. 

Għall-familja Muscat, Martin għadu ħaj fl-ispirtu. Oħtu Maria għandha żewġt ibniet, Kimberly Martina u Nadesh Martina, it-tnejn it-tieni isem Martina b’memorja għal ħuha.

“Id-dar għandi ritratt kbir tiegħu u meta Kimberly kien ikollha xi test jew eżami kienet tmur quddiemu, trodd is-salib u titolbu jgħinha”, kienet qaltli Maria.

Il-ġimgħa d-dieħla

Fit-tieni parti ta’ dan il-qtil fil-ħarġa tal-ġimgħa d-dieħla, naraw kif il-karozza tal-vittma nstabet f’post u l-kadavru f’post ieħor. Monument ta’ tifkira li l-familja għamlet fil-post tad-delitt. X’kienet qalet Diane, il-mara ta’ Martin u aktar dettalji. 

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. 

More in Kronaka