Tliet barranin ħelsuha ħafif
Żewġ Eritreani u Etiopjan involuti f'inċident tat-traffiku f'Raħal Ġdid
More in Kronaka
Żewġ Eritreani u Etiopjan involuti f'inċident tat-traffiku f'Raħal Ġdid
F’inċident tat-traffiku li seta’ kellu konsegwenzi gravi, b’xorti tajba tliet barranin ħelsuha ħafif bi tnejn isofru ġrieħi ħfief u ieħor li ma ġralu xejn.
Ilbieraħ għall-ħabta tat-8.10am karozza Kia Pride misjuqa minn raġel ta’ 37 sena mill-Eritrea u residenti f’Tal-Pietà, kien qed isuq fi Triq il-Palma f’Raħal Ġdid fid-direzzjoni ta’ Ħal Tarxien. Miegħu kellu Eritrean ieħor ta’ 35 sena wkoll residenti f’Tal-Pietà li kien riekeb quddiem u raġel ta’ 26 sena mill-Etiopja li kien riekeb wara s-sewwieq.
Kif il-Kia waslet f’salib it-toroq fejn hemm Triq Ħal Tarxien, Triq Ħal Luqa u Pjazza Antoine de Paule, is-sewwieq ma ndunax bit-tabella STOP u baqa’ ħiereġ. “Naħseb li ma ndunax bis-sinjal” qal il-passiġġier Eritrean lil din il-gazzetta.
Hekk kif il-Kia ħarġet f’salib it-toroq, minn Triq Ħal Luqa kienet nieżla xarabank u minkejja li x-xufier ipprova jevita lill-Kia x-xarabank laqtitha fuq il-ġenb tal-lemin u mal-impatt daret tħares fid-direzzjoni opposta.
Fuq il-post waslu l-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku kif ukoll il-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mmexxija mill-uffiċjali James Newell u Tony Pisani. Peress li s-sewwieq tal-Kia u l-passiġġier li kien warajh inqabdu fil-karozza, il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellhom iqaċċtu partijiet mill-karozza fosthom iż-żewġ bibien tan-naħa tal-lemin.
Sakemm kienet għaddejja din l-operazzjoni l-infermieri li waslu fuq il-post b’żewġ ambulanzi, bdew jagħtu l-ewwel għajnuna medika liż-żewġ feruti filwaqt li t-tielet wieħed ħareġ mill-karozza waħdu.
Is-sewwieq tal-Kia u l-passiġġier, li kien wara, ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’żewġ ambulanzi separati fejn wara li ġew eżaminati fid-Dipartiment tal-Emerġenza ġew iċċertifikati li kienu qegħdin isofru minn ġrieħi ħfief. Min-naħa l-oħra x-xufier tax-xarabank, raġel ta’ 48 sena minn San Ġwann ma ġralu xejn għalkemm deher li kellu xokk fuqu.
Is-Surġent Roger Mifsud flimkien mal-Kuntistabbli Marcus Cachia mill-Għassa ta’ Raħal Ġdid ħejjew rapport tal-inċident.