F’dawn l-aħħar 10 snin, sal-4 ta’ Awwissu, 147 persuna tilfu ħajjithom fit-toroq tal-gżejjer Maltin. Jista’ jkun li l-inċidenti fatali tat-traffiku żdiedu f’dawn l-aħħar snin minħabba li fit-toroq tagħna żdiedu wkoll il-vetturi?
Mill-147 persuna li tilfu ħajjithom kien hemm 112-il raġel, 29 mara u sitt itfal taħt il-15-il sena. L-agħar sena mill-2005 sal-lum kienet l-2009 fejn tilfu ħajjithom 21 persuna li minnhom 17 kienu rġiel, tlieta nisa u wieħed minorenni.
Mill-istatistika li ġbarna jirriżulta li l-aktar lokalità li fiha seħħew l-ikbar numru ta’ inċidenti tat-traffiku, mhux kollha fatali, huwa Birkirkara tant li fl-2012 din il-lokalità rreġistrat 6.3% tal-inċidenti li seħħew f’Malta. Ħal Qormi kien it-tieni b’5.9%. Skont l-istess statistika l-iktar ġurnata li fiha jsiru inċidenti hija l-Ħadd, b’nhar ta’ Sibt it-tieni. Jidher li dan iseħħ probabbli minħabba li matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd jiżdied il-konsum tal-alkoħol.
Din il-gazzetta tkellmet mal-espert tal-Qorti, il-Prokuratur Legali Mario Buttigieg. Huwa qalilna li biż-żieda kbira ta’ karozzi fit-toroq, żdied il-periklu.
“Hemm bżonn ta’ aktar attenzjoni u konċentrazzjoni kemm min-naħa tas-sewwieqa kif ukoll minn dawk il-persuni li jkunu mexjin fit-toroq. Minbarra n-numru sostanzjali ta’ karozzi fit-toroq tagħna, żdiedu ħafna s-sewwieqa li jużaw il-mobile waqt is-sewqan,” qalilna Mario Buttigieg.
Huwa żied jgħidilna li l-ammont ta’ ċitazzjonijiet kemm mill-Gwardjani Lokali kif ukoll mill-Pulizija żdiedu fejn jidħlu kontravenzjonijiet tal-użu tal-mobile waqt is-sewqan, sewwieqa mingħajr seat-belts kif ukoll dawk li jibqgħu għaddejjin meta d-dawl ikun fuq l-aħmar.
“Hemm bżonn li l-poplu jkun aktar iddixxiplinat biex in-numru ta’ mwiet fit-toroq jonqos,” saħaq Mario Buttigieg.
Bħala statistika ta’ mwiet b’inċidenti tat-traffiku, fl-ordni ta’ meta l-iktar mietu persuni bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-4 ta’ Awwissu 2014 hija din. Fl-2009: 21, 2011: 20, 2013: 19, 2005: 17, 2010: 16, 2007: 15, 2008: 14, 2006: 10, 2012: 8 u 2014: 7.
L-aktar persuni li jkunu involuti f’inċidenti tat-traffiku huma dawk ta’ bejn il-25-il sena u d-39 sena.
Fi stqarrija l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qal li bejn April u Ġunju ta’ din is-sena seħħew 3,795 inċident tat-traffiku, li minnhom tnejn kienu fatali. Din tfisser żieda ta’ 49 inċident jew 1.3% meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena li għaddiet.
F’dawn l-inċidenti ndarbu 492 persuna li 292 kienu sewwieqa. F’73.2% tal-inċidenti kienu involuti l-karozzi, fi 15.4% muturi u f’9.8% t-trakkijiet.
Mill-istatistika tal-NSO jirriżulta li meta mqabbel mal-2013, kien hemm inqas inċidenti fin-Nofsinhar ta’ Malta. L-iktar lokalitajiet li fihom seħħew inċidenti f’dan il-perjodu kienu Birkirkara, Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar.
Sadanittant dwar in-numru ta’ karozzi u vetturi rreġistrati fil-gżejjer Maltin, f’sena żdiedu 10,300. Dan joħroġ ukoll minn statistika maħruġa mill-NSO. B’hekk in-numru ta’ vetturi rreġistrati Malta huwa ta’ 329,000. Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena ġew irreġistrati 5,000 karozza ġdida filwaqt li ġew irtirati mit-toroq 2,900 karozza.