Immigranti ekonomiċi u s-sistema tal-Hawala
Sistema finanzjarja li tinvolvi depożiti u tqassim ta’ flus fuq l-idejn
minn John Pisani
Ħafna huma dawk li ma jafux id-differenza bejn immigranti irregolari li jaħarbu minn pajjiżhom għal raġunijiet ta’ persekuzzjoni u sigurtà f’ħajjithom u dawk li jitilqu minn pajjiżhom għal raġunijiet ekonomiċi.
Jista’ jkun li dan in-nuqqas t’għarfien huwa attribwit għall-fatt li t-tnejn li huma jaslu Malta bl-istess mod iżda hemm differenzi kbar bejn min qed iħares għal ħajtu u min qed iħares lejn status finanzjarju aħjar.
Il-gazzetta ILLUM tiżvela kif numru ta’ immigranti ekonomiċi qed jaslu Malta bl-għajnuna ta’ sistema ‘bankarja’ magħrufa bħala l-Hawala. Permezz ta’ din is-sistema finanzjarja, li tinvolvi depożiti u tqassim ta’ flus fuq l-idejn biex huma jkollhom fuq xiex iserrħu rashom la darba jaslu f’pajjiż Ewropew.
L-immigranti ekonomiċi wara l-ħidma b’paga miżera f’pajjiżhom iġemmaw il-flus tagħhom u jpoġġuhom fis-sistema magħrufa bħala l-Hawala. Dawn il-flus però qatt ma jkunu f’idejhom iżda f’idejn persuna li tkun diġà daħlet f’pajjiżna, magħrufa bħala l-Hawalan.
Mal-wasla tagħhom f’Malta, wara vjaġġ twil u riskjuż fuq il-baħar li għal uħud swielhom ħajjithom, il-Hawalan jipprovdilhom flus jew oġġetti materjali skont ħtiġijiethom.
Din il-gazzetta tkellmet mal-Maġġur Alexander Dalli, li serva għal xi żmien mal-Frontex u llum irtirat mill-Armata, dwar kif immigranti jużaw is-sistema tal-Hawala.
Dalli spjegalna kif il-Hawala jew Hawala Banking tintuża minn ħafna mill-immigranti biex jibagħtu flus lejn pajjiżhom biex jgħinu lill-qraba tagħhom iżda meta immigrant ikun irid jitlaq minn pajjiżu biex jidħol f’pajjiż Ewropew u dan ma jkunx jista’ jagħmlu b’mod legali, javviċina persuna magħrufa bħala Hawalan.
L-immigrant u l-Hawalan ifasslu ftehim verbali bejniethom dwar kemm se jiddepożita flus fis-sistema sabiex meta l-immigrant jibda l-vjaġġ tiegħu hu jitlaq mingħajr flus fuqu.
Ġeneralment dawk l-immigranti ekonomiċi li jiddepożitaw il-flus f’pajjiżhom biex ma joħorġu xejn magħhom, ikunu persuni ta’ ċertu edukazzjoni fosthom anke tobba, imma peress li l-pagi tagħhom huma baxxi xorta waħda jkunu jridu jaħarbu u jfittxu futur aħjar.
Persuna li ħadmet fil-qrib ma’ dawn il-professjonisti, stqarret ma’ din il-gazzetta li pajjiżna tilef uħud minn dawn l-immigranti ekonomiċi fejn stajna nużaw il-ħiliet tagħhom. Ħafna minn dawn intgħażlu mill-Gvern Amerikan u llum qed jgħixu fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn anke qed jipprattikaw il-professjoni medika.
Immigranti ekonomiċi jiddepożitaw flushom qabel jitilqu minn pajjiżhom
F’rapport li tħejja minn eks-fizzjal tal-Forzi Armati ta’ Malta, juri li ħafna mill-immigranti ekonomiċi li jidħlu irregolarment fl-Ewropa, fosthom anke f’Malta, ikunu qegħdin ifittxu ħajja aħjar milli kellhom f’pajjiżhom mil-lat ekonomiku.
Il-Maġġur Alexander Dalli, li serva għal xi żmien mal-Frontex u llum irtirat mill-Armata, kien ħejja rapport dettaljat kemm dwar il-kuntrabandu ta’ persuni kif ukoll traffikar ta’ persuni. Ir-rapport tal-Maġġur Dalli jidħol f’diversi dettalji f’oqsma differenti.
Tkellimna miegħu dwar il-qasam finanzjarju ta’ wħud mill-immigranti li jaħarbu minn pajjiżhom fejn kultant lanqas żarbun ma jkollhom meta jinżlu l-art. Bħala eżempju, Dalli qalilna li meta immigrant ekonomiku jitlaq minn pajjiżu dan jiddepożita somma ta’ flus, liema ftehim isir biss verbalment u mingħajr ebda dokumenti imma b’sempliċiment kodiċi, jew kultant anke billi jingħata parti minn karta ta’ flus, li jrid jgħaddi lil persuni fil-pajjiżi fejn se jmur.
Il-probabbiltà hija, jispjega Dalli, li din is-sistema titħaddem ukoll hawn Malta fejn fost l-immigranti ekonomiċi hawn min huma Hawalani. Il-Hawalan jinforma lil kollegi tiegħu fil-pajjiżi minn fejn se jkun se jgħaddi “il-klijent” u x’inhu l-kodiċi li jkun ingħata. L-immigrant ikollu struzzjonijiet fejn għandu jmur biex ifittex Hawalan li min-naħa tiegħu jgħaddilu parti mill-flus li jkun iddepożita biex ikollu biex jgħaddi. Minflok flus “il-klijent” jista’ jingħata servizzi jew akkomodazzjoni dejjem skont il-ftehim li jkun sar minn qabel. Is-sistema tibqa’ taħdem f’kull pajjiż li jidħol fih l-immigrant.
Il-Maġġur Dalli qalilna wkoll li huwa persentaġġ żgħir ta’ immigranti ekonomiċi li verament ikunu jridu jiġu Malta, iżda minkejja dan anke f’pajjiżna jeżistu l-Hawalani. Il-kap, li jsibuh bħala “l-Prinċipal”, ikun bniedem ta’ livell ta’ edukazzjoni li jkun ilu jgħix fil-pajjiż Ewropew għal diversi snin. B’hekk mhux biss ikun jaf sew il-pajjiż u n-nies, anke dawk influwenti, imma jkollu wkoll dokumenti li jkun jista’ jsiefer.
Il-Hawalan ifittex persuni oħrajn f’pajjiżi differenti madwar l-Ewropa biex jirrappreżentawh. Ġeneralment dan ikun imdawwar minn persuni ta’ fiduċja li anke jagħmluha ta’ bodyguards.
B’din is-sistema, il-flus li jkun iddepożita l-immigrant, fil-fatt qatt ma jgħaddu minn pajjiż għal ieħor imma jsir kollox b’fiduċja bejn Hawalan, jew rappreżentant, u ieħor.
Jekk nieħdu eżempju ta’ immigrant ekonomiku li jkun daħal Malta mingħajr flus imma b’xi tip ta’ kodiċi jew xi forma oħra, kif jinħeles miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni jara kif jagħmel u jfittex il-kuntatt li jingħata f’każ li minflok f’pajjiż ieħor ikun spiċċa Malta.
Ħafna drabi l-kuntatti jkunu jew jaħdmu minn xi ħanut żgħir jew sempliċiment minn post fil-qalba fejn ikun hemm l-immigranti.
Il-Hawalan f’Malta jkun jaf minn qabel il-kodiċi jew x’forma ta’ prova se jingħata qabel ma dan joħroġ il-flus biex jgħaddihom lill-immigrant. B’hekk l-immigrant ikun jista’ jibda ħajja ġdida bi flusu stess.
Kif taħdem is-sistema tal-Hawala
Is-sistema tal-Hawala tintuża f’numru ta’ pajjiżi bid-differenza li dan is-servizz huwa orħos mir-rati ta’ banek kummerċjali, aktar effiċjenti u mingħajr ebda burokrazija amministrattiva jew ħlas ta’ taxxa. Fi kliem ieħor meta Hawalan A jingħata s-somma bħala depożitu fil-pajjiż oriġinali mill-immigrant, dan jinforma b’kollox lil Hawalan B, li bejniethom ikun hemm fiduċja kbira, biex kif l-immigrant imur għandu jgħaddilu l-flus. Dan jitħallas wara kemm b’oġġetti li jkollu bżonn jew xi servizzi oħrajn. Ikun hemm każijiet fejn isiru trasferimenti ta’ flus imma mhux dejjem.