Se tkun evalwazzjoni tas-sigurtà f’Malta

Iż-żjara tad-Dukessa Kate Middleton f’Malta

Middleton se tkun Malta xahar ieħor
Middleton se tkun Malta xahar ieħor

Kif diġà tħabbar uffiċjalment id-Dukessa ta’ Cambridge Kate Middleton se tkun qed tagħmel żjara uffiċjali f’Malta fl-20 u l-21 ta’ Settembru li ġej. Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil ILLUM li din iż-żjara se sservi wkoll ta’ evalwazzjoni dwar is-sistema tas-sigurtà f’Malta fid-dawl tal-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth magħrufa bħala CHOGM li se ssir hawn Malta s-sena d-dieħla.

L-istess sorsi qalulna li jekk l-esperti barranin isibu li waqt iż-żjara ta’ Kate Middleton is-sigurtà ma tkunx kif mixtieqa, dan jista’ jħalli impatt fuq Malta. Il-laqgħa taċ-CHOGM xorta ssir, imma pajjiżna jkollu jidħol f’aktar spejjeż biex itejjeb is-sigurtà.

“Ovvja jekk ir-riżultat ikun negattiv allura dan se joħloq problemi internazzjonalment. Jaf ikollok ċerti kapijiet li jibqgħu lura milli jiġu u anke l-investiment jista’ jkun affetwat”, qalilna s-sors.

Min-naħa l-oħra jekk is-sigurtà tgħaddi mill-għarbiel, allura mhux se jkollna problemi. Mindu tħabbret kemm iż-żjara ta’ Kate Middleton kif ukoll il-laqgħa taċ-CHOGM, bdew minnufih il-preparamenti għas-sigurtà meħtieġa b’nies professjonali li qegħdin jagħtu pariri siewja.

Kate Middleton se tiġi Malta għaċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali li jfakkru l-50 sena mill-Indipendenza. Hija se tiġi f’pajjiżna waħedha u se tkun qed tirrappreżenta lir-Reġina Eliżabetta II. Din se tkun l-ewwel żjara mid-Dukessa waħedha barra mir-Renju Unit.

Sadanittant il-laqgħa taċ-CHOGM f’Malta se tkun it-tieni darba li pajjiżna se jospitaha. L-aħħar laqgħa f’Malta saret fl-2005.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan huwa pass ieħor importanti għal Malta li jikkonsolida r-rispett li tgawdi Malta fost il-membri tal-Commonwealth. 

Din l-okkażjoni tmur id f’id ma’ tħejjijiet li qegħdin isiru għal meta Malta jkollha mal-Presidenza tal-UE fl-2017 u l-V18. 

Id-deċiżjoni li ċ-CHOGM issir Malta ttieħdet wara li l-gżejjer tal-Mawrizju, li kienu maħsuba biex jospitaw din il-laqgħa, irtiraw. 

More in Kronaka