Jinstabu noti f’basket mal-katavru
It-tieni parti - Il-qtil ta’ Carmela Borg fl-Imġarr fl-1992
minn John Pisani
Fl-ewwel parti dwar il-qtil brutali ta’ Carmela Borg ta’ 74 sena mill-Imġarr, Malta li l-kadavru tagħha kien instab nhar is-Sibt, 18 ta’ Jannar 1992 f’bir wara r-residenza tagħha fi Triq Sir Harry Luke fl-Imġarr stess.
Fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda rajna li l-kadavru tal-anzjana nstab minn wieħed minn uliedha, Elia Borg, wara rapport li sar mal-Pulizija.
Għalkemm l-ewwel suspetti kien li Carmela nqatlet wara li sfat vittma ta’ ħallelin, sal-lum l-investigaturi ma jeskludux li l-mottiv seta’ kien ieħor u lanqas li seta’ kien hemm nies qrib ħafna tal-anzjana li allegatament setgħu kienu involuti.
Jittella’ l-kadavru mill-bir
Kif instab il-kadavru tal-anzjana, fi ftit minuti Elia għamel kuntatt ma’ ħutu l-oħrajn u aktar tard ma’ żewġ ħutu li kienu jgħixu barra minn Malta.
Fil-bir tniżżel ħabel biex ikun jista’ jittella’ l-kadavru, iżda kien diffiċli minħabba li kien diġà beda jintefaħ u għalhekk il-parti ta’ fuq tal-ħerża tal-bir kellha tinqala’.
Kienet xena makabra. Il-kadavru tpoġġa f’passaġġ li hemm fil-ġnien. Il-Pulizija sabu r-ras ta’ Carmela kienet f’basket tal-plastik marbut m’għonqha b’tape, x’aktarx dak magħruf bħala electricians’ tape, li kien imdawwar diversi drabi.
Elia jiftakar sew li ommu kellha wkoll idejha t-tnejn marbutin ma’ saqajha qrib l-irkobba bil-ħabel tan-‘nylon’ tal-inxir ta’ kulur blu. Il-ħabel kien marbut ma’ briksa tad-disa’ pulzieri. X’aktarx li Carmela Borg kienet ilha mejta bejn jumejn u tlett ijiem.
Mill-awtopsja, li kienet ordnata mill-Maġistrat Inkwerenti Dr Silvio Meli, illum imħallef, irriżulta li l-kawża tal-mewt kienet ikkawżata minn qtugħ ta’ nifs. Dan seta’ ġara jew għax fgat bil-borża jew minħabba li rasha kienet instabet taħt l-ilma fil-bir, għalkemm aktar kienet tagħmel sens li mietet fgata milli mgħarrqa.
Noti f’basket mal-kadavru
Minn aktar stħarriġ li komplejt nagħmel fil-jiem li għaddew, sibt li meta l-kadavru tal-anzjana ttella’ mill-bir, il-Pulizija kienu sabu li kellha basket, jew aħjar handbag, li kien għadu mdendel magħha.
Dan jista’ jindika li Carmela ma kinitx fid-dar jew kienet ħierġa mid-dar meta nħatfet għax ma jagħmilx sens li mara li tkun fir-residenza tagħha ġġorr il-handbag fuqha u jekk daħlu biex jisirquha, jekk kienu ħallelin, allura kienu jaraw x’kellha fih.
Meta l-Pulizija għamlu tfittxija fil-handbag sabu diversi noti. Minn aktar stħarriġ irriżultali li dawn in-noti kienu qishom djarju li kienet iżżomm l-anzjana.
Persuni li kienu jafu sew lil Carmela qaluli li l-mara kienet tieħu noti ta’ xi jkun qed jiġri madwarha, nies li tinnota li jgħaddu minn quddiem id-dar tagħha u anke noti oħrajn dwar dak li tkun rat minn wara l-bieb jew tieqa.
L-istess sorsi qaluli wkoll li Carmela kienet mara intelliġenti u kienet tikteb ittri lill-qraba tagħha dwar xi problemi li kien ikollha, anke problemi ma’ wliedha u kienet ukoll tibgħat tgħid lill-persuni oħrajn fil-familja dwar minn xiex kienet għaddejja.
Uħud minn dawn kienu fil-handbag li nstab mal-kadavru.
Ma nstab xejn fil-bir
Fid-delitt tal-anzjana, il-Pulizija litteralment la kellhom u lanqas għandhom xi tagħrif li jista’ jwassalhom biex jakkużaw lil xi ħadd, għalkemm l-istħarriġ xorta jibqa’ għaddej l-aktar jekk il-Pulizija taslilha informazzjoni ġdida.
Xi jiem wara li nstab il-kadavru ta’ Carmela, kien tniżżel fil-bir bugħaddas tal-Special Assignment Group (SAG), skwadra tal-Pulizija li m’għadhiex teżisti. Kien il-Kuntistabbli John Micallef, li rtira mill-Korp tal-Pulizija bħala Surġent Maġġur, li niżel fil-bir fejn għamel tfittxija intensiva u anke kien intuża metal detector. L-għan kien biex forsi tinstab xi ħaġa u l-investigaturi jkollhom xi ħjiel. Iżda din it-tfittxija ma ħalliet ebda riżultati pożittivi.
Ulied il-mara jgħinu fl-investigazzjoni
Il-Pulizija kienu interrogaw diversi persuni fosthom anke wħud minn uliedha tant li kien hemm min anke nżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija matul il-lejl. Din hija proċedura normali li l-Pulizija l-ewwel ma jinterrogaw huma nies li jkunu qrib ħafna tal-vittma.
Minkejja li Carmela kellha d-dar tagħha u kulma kien hemm fiha kien legalment tagħha, il-mara riedet tbiegħ kollox l-aktar wara li kienet spiċċat waħedha meta romlot.
Carmela kienet għamlet perjodu toqgħod ma’ bintha f’Ħaż-Żabbar, iżda wara rritornat lejn l-Imġarr fejn kien hawn li wriet l-intenzjoni li riedet tbiegħ id-dar u l-għamara. X’aktarx li l-anzjana riedet tinġabar x’imkien basta jkollha l-privatezza tagħha.
Huwa mifhum li l-anzjana sabet oġġezzjoni minn uħud minn uliedha.
Carmela Borg kienet ħajjata prima
Meta kont tkellimt ma’ Elia u staqsejtu dwar ommu, kien qalli li kienet ilha armla madwar tliet snin qabel inqatlet. Huwa qalli li kienet ħajjata prima u kienet magħrufa sew għall-ilbiesi tat-tiġijiet kif ukoll okkażjonijiet oħra. Ftit wara li romlot, uliedha kienu jmorru jorqdu magħha, iżda dawn ma damux għax kif għidt diġà, l-anzjana riedet toqgħod waħedha.
Kienet mara li tafda lil kulħadd tant li darba minnhom anke raqdet għandha koppja turisti li kienu qalulha li ma kellhomx fejn jorqdu u għalhekk żammithom għal-lejl. Ma kinitx tħabbel rasha li taqbad u tiftaħ mingħajr ma tara min kien hemm wara l-bieb. Kienet ukoll mara tal-karità tant li kienet tuża l-kapacità tagħha fil-ħjata billi kienet tħit purtieri u oġġetti oħrajn għad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.
Carmela Borg kienet mara qrib l-ambjent, kienet ukoll temmen fil-kura naturali u barra li kienet tużaha, kienet ukoll tirrakomanda weraq ta’ pjanti għall-irjiħat. Elia kien qalli li kien hemm wieħed mill-Awstralja li kull darba li jiġi għal btala f’Malta kien imur għandha biex tagħtih weraq għall-kontra l-ġebla fil-kliewi u dan kien jieħu miegħu kwantità mhux ħażin.
Carmela ma kienet taqta’ qalbha minn xejn, saħansitra fi xjuħitha anke siefret kemm-il darba fosthom marret Iżrael, Lourdes u Fatima. Kienet tmur kullimkien waħedha b’tal-linja u mill-Imġarr kienet spiss tmur għand bintha li toqgħod Ħaż-Żabbar.
Carmela kienet ukoll tan-negozju
Skont Elia, ommu kienet tħobb tinnegozja. Skont hu, ftit tal-ġimgħat qabel id-delitt, Carmela kienet qiegħda tinnegozja biex tixtri proprjetà fil-Mosta bil-bejjiegħ li ried flus kontanti. Għaldaqstant l-anzjana kienet marret fil-fergħa tal-Bank of Valletta tal-Mosta minn fejn ġibdet somma flus biex tgħaddiha lis-sensara. Dan in-negozju, iżda, jidher li qatt ma mmaterjalizza.
Elia rrakkontali fatt kurjuż. Carmela kellha kont f’bank magħruf bħala bearer’s account li kien kont b’numru biss u mhux bl-isem ta’ min hu. Madwar ġimagħtejn wara l-mewt tal-anzjana, kien hemm persuna li marret fil-fergħa tal-istess bank li għandhom fil-Mellieħa u pprovat tiġbed xi flus mill-kont tal-anzjana.
Meta l-kadavru tal-anzjana ttella’ mill-bir, il-Pulizija kienu sabu li kellha basket, jew aħjar handbag li kien għadu mdendel magħha
Peress li wlied l-anzjana kienu għalqu dan il-kont bħala proċedura legali, kien qam suspett fl-impjegat tal-bank tant li anke kien interrogat mill-Pulizija. Mhux magħruf x’irriżulta minn din l-interrogazzjoni.
Il-Pulizija kienu impenjati bi qtil ieħor
Madwar għaxar snin ilu kont tkellimt ma’ diversi sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Carmela Borg. Uffiċjal li tkellem miegħi bil-kundizzjoni tal-anonimità, kien qalli li l-agħar reat huwa dak ta’ qtil. Iżda meta nstabet maqtula Carmela, sfortunatament id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali kienu impenjati bi qtil ieħor li kien seħħ tlett ijiem qabel, dak ta’ Victor Gauci fil-Mosta li wkoll għadu mhux solvut.
L-istess sors kien stqarr li jkun hemm każijiet li l-Pulizija titfa’ aktar piż fuqhom minn oħrajn minħabba diversi ċirkostanzi. Jidher li hekk kien ġara aktar minn 22 sena ilu meta l-Pulizija ta’ dak iż-żmien kienu tefgħu aktar piż fl-investigazzjonijiet tagħhom fuq il-każ ta’ Victor Gauci fil-Mosta milli fuq dak tal-anzjana.
“Barra li kellhom ir-raġunijiet tagħhom, trid taħdem bin-numru ta’ nies li jkollok,” kien saħaq dan is-sors.
Dakinhar il-Pulizija tad-DIK kienu għadhom imħawdin bil-qtil mingħajr ebda mottiv ta’ xejn ta’ Victor Gauci li kien ingħata ħafna aktar importanza peress li f’dan l-omiċidju kienet intużat arma tan-nar qalb l-abitat u l-investigaturi kienu ċerti li l-mottiv ma kienx serq. Xi ħadd ried lil Gauci mejjet u għalhekk kien qtil premedidat.
Min-naħa l-oħra, Carmela Borg kienet anzjana, tgħix waħedha u forsi min wettaq id-delitt għamel hekk wara sempliċiment serqa u għaldaqstant ir-riżorsi tal-Pulizija aktar intefgħu fuq il-każ ta’ Gauci milli fuq dak ta’ Borg.
Ma kienu jgħidulhom xejn
Elia Borg, iben il-vittma, kien qalli li l-Pulizija ma kienu jgħidulhom xejn. Huwa kien spiss imur il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana biex jara jekk kienx hemm xi żviluppi, iżda uffiċjalment kull ma kienu jgħidulu kien li għadhom qegħdin jinvestigaw. Hu kien stqarr miegħi li l-każ t’ommu m’għadux jiġi investigat u jemmen li ntesa għal kollox.
Il-familja Borg kienet tikkonsisti f’Sam (li joqgħod l-Ingilterra), Maria, Vince, Rose, Kalċidon, Tereża, Joe, Doris, Elia, John, Raymond, Emily (li toqgħod il-Kanada) u Nathalie. L-aħwa kienu minn dejjem jgħidu li lesti jaħfru imma għadhom jistennew li ssir ġustizzja ma’ min wettaq il-qtil brutali t’ommhom.
“Għal xi żmien kien hemm xi nies li qajmu xnigħat koroh, iżda dawn għaddew. Ikun ferm aħjar u ta’ ġid jekk flok xnigħat toħroġ il-verità u l-qattiela ta’ mara anzjana, omm ta’ 13-il wild u li qatt ma għamlet deni lil ħadd, jinġieb jew jinġiebu quddiem il-ġustizzja”, kien appella Elia, f’isem ħutu kollha.
Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.