Tgħid li rat kollox imma ma qalet xejn
Qtil mhux solvut - Il-qtil ta’ Victor Gauci fil-Mosta fl-1992
minn John Pisani
Sitt ijiem wara li Victor Gauci ta’ 34 sena mill-Mosta nqatel b’tir ta’ senter ħdejn id-dar tiegħu, mara ċemplet lill-Pulizija fejn qaltilhom li kienet rat dan il-qtil iseħħ u li kienet se terġa’ ċċempel. Iżda aktar minn 22 sena wara din it-telefonata qatt ma reġgħet saret.
Victor Gauci nqatel nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Jannar 1992, kif kien dieħel fil-garaxx li hemm mal-ġenb tad-dar tiegħu fi Triq l-Antinni fil-Mosta li tinsab fil-Qasam tad-Djar, magħruf bħala Ta’ Mlit fejn id-djar imissu ma’ xulxin u t-triq hija wiesgħa madwar tliet metri. Minkejja dan u minkejja li kienu għadhom it-8.15pm b’ħafna min-nies ikunu għadhom imqajmin, xorta waħda ftit kienu dawk il-ġirien li ħarġu jittawlu biex jaraw x’ġara meta l-ħoss ta’ żewġ tiri ta’ senter venvnu l-inħawi. Kien wara li ħarġu l-ewwel ftit nies li ħafna mill-ġirien ħarġu jaraw x’kien ġara.
Qtil premedidat
Persuni li kienu jafu sew lil Victor Gauci, qaluli li r-raġel kien mibni sew. Iżda minn ġimgħat qabel ma nqatel kien jidher li kien qed jibża’ minn xi ħadd.
“Spiss kont tarah iħares madwaru biex jara jekk hemmx xi ħadd. Kien qisu qed jistenna li xi ħadd kien ġej minn warajh,” qalli wieħed li kien jaf sew lil Victor. Huwa kompla jgħidli li veru li Victor kien bniedem mibni, imma qatt ma jafu li daħal f’xi inkwiet jew xi ġlied.
Il-qtil ta’ Gauci kien wieħed premedidat. Min ried joqtol lil Gauci, jew min qabbad biex Gauci jinqatel, kien jaf sew lill-vittma. Mhux biss kien jaf fejn joqgħod, iżda kien jaf il-passi tiegħu. Kien jaf fejn jaħdem, fejn imur wara x-xogħol u fi x’ħin jasal id-dar.
Il-qattiel x’aktarx li kien diġà qrib ir-residenza ta’ Gauci fi Triq l-Antinni qabel ma Victor wasal id-dar. Peress li mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija kien ġie stabbilit li l-qattiel ma kellux karozza fil-viċinanzi, allura l-probabbiltà hija li dan staħba wara xi ċint, fejn illum hemm triq. Dak iż-żmien, 22 sena ilu, f’dik il-parti kien hemm sqaq li kien jagħti għal parti mħarbta u għaldaqstant kienet faċli għall-qattiel biex jistaħba.
Gauci wasal id-dar għall-ħabta tat-8.12pm bil-mutur tiegħu tal-għamla Honda magħruf aħjar bħala tal-fardal. Kif Gauci waqaf eżatt quddiem il-garaxx, il-qattiel ħareġ minn fejn kien. Dak il-ħin kien id-dlam u għaldaqstant Gauci ma setax jara lill-qattiel riesaq lejh. Dan ma marx dirett għal fuq il-vittma iżda baqa’ fuq in-naħa l-oħra tat-triq, distanza ta’ madwar żewġ metri jew inqas. Kif Gauci niżel minn fuq il-mutur u beda jiftaħ il-garaxx biċ-ċavetta, il-qattiel spara tir u laqat lil Gauci f’dahru.
Minkejja li Gauci kien ferut gravi xorta waħda kien fadallu s-saħħa biex ikompli jiftaħ il-bieb tal-garaxx u jidħol f’tentattiv li jitbiegħed mill-aggressur. Kif il-qattiel ra li Gauci kien għadu fuq saqajh u kompla dieħel fil-garaxx, spara tir ieħor u Gauci waqaf jistrieħ dahru mal-ħajt bid-demm ħiereġ minn dahru.
Ħarba
Il-qattiel ħarab minn fuq il-post bil-mixi lejn fejn illum hemm Triq il-Waqqafa u ħarab qalb l-għelieqi lejn Triq id-Durumblat, li ħafna jafuha bħala “t-triq tal-Flower Power.”
Qatt ma kien eskluż li l-qattiel seta’ kellu karozza f’din it-triq jew kellu xi kompliċi jistennieh lest biex jaħarbu.
Il-ħoss taż-żewġ tiri ħasdu lil Joe Mifsud, kollega fil-ġurnaliżmu u llum avukat. Dak iż-żmien Joe Mifsud kien għadu joqgħod mal-ġenituri tiegħu fl-istess triq fuq in-naħa l-oħra tat-triq fejn seħħ id-delitt. Kif ħareġ mid-dar, Dr Mifsud sab lil missieru barra fejn qallu li kienu sparaw għal Victor tan-Naxxar. Wara li ċempel lill-Pulizija, Mifsud mar fil-garaxx fejn sab lil Victor Gauci għadu qed jitkaxkar mal-ħajt u wara spiċċa bilqiegħda fl-art u bid-demm ħiereġ minn dahru.
“Sa dak il-ħin Gauci kien għadu qed jieħu n-nifs iżda ma kienx jiflaħ jitkellem,” qalli Joe Mifsud li għadu sal-lum ma jistax ineħħi minn quddiem għajnejh ix-xena u l-ħarsa tal-ġar tiegħu hu u jitkaxkar mal-ħajt.
Fil-ħin tal-isparatura fid-dar ta’ Gauci kien hemm martu Josephine u bintu Vanessa. Kif il-mara ta’ Gauci semgħet l-isparaturi ħarġet tara x’ġara.
Hija marret fil-garaxx fejn sabet lil Joe Mifsud qrib żewġha. Fi ftit ħin ħarġu xi ġirien li marru jassistu lil Josephine li żammewha u daħluha lura d-dar. Madwar 20 minuta wara waslet l-ambulanza, iżda Gauci kien laħaq miet kawża tal-feriti gravi li sofra u l-kwantità kbira ta’ demm li tilef.
Aktar tard marru fuq il-post diversi uffiċjali tal-Pulizija, fosthom il-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Alfred Calleja flimkien mas-Supretendent Joe Cachia, illum Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija, u l-Ispetturi Pierre Calleja, illum Deputat Kummissarju, u Paul Sammut li rtira mill-Korp bħala Assistent Kummissarju u uffiċjali oħrajn.
Tagħrif li wasal għand il-Pulizija
“Jiena rajt min kien li spara u naf min qatel lil Victor Gauci… aktar tard nerġa’ nċempel u ngħidilkom.” Dan kien bejn wieħed u ieħor il-messaġġ li tħalla fuq l-answering machine tal-Pulizija sitt ijiem wara l-qtil ta’ Victor Gauci b’vuċi ta’ mara. Iżda t-tieni telefonata mingħand din il-mara baqgħet qatt ma saret.
Għal xi żmien wara din it-telefonata l-Pulizija żammew din il-linja taħt sorveljanza stretta b’xi ħadd magħha 24 siegħa kuljum bit-tama li din il-mara terġa’ ċċempel u twassal l-informazzjoni li allegatament kienet taf u li l-awtoritajiet kellhom bżonn biex jagħmlu l-arresti.
Minkejja li Gauci kien ferut gravi xorta waħda kien fadallu s-saħħa biex ikompli jiftaħ il-bieb tal-garaxx u jidħol f’tentattiv li jitbiegħed mill-aggressur
Wara aktar investigazzjonijiet l-investigaturi kienu sabu min kienet il-mara li għamlet it-telefonata. Iżda minkejja li kienet mitkellma mill-Pulizija, il-mara ma tat l-ebda informazzjoni min kien li spara u qatel lil Gauci.
Nifhmu li kien hemm persuna qrib tagħha li taha parir biex ikun aħjar jekk ma tgħid xejn biex ma tipperikolax lilha nnifisha jew lil xi ħadd minn tal-familja.
Lill-qattiel kien hemm min rah tant li l-Pulizija ngħataw deskrizzjoni tiegħu, iżda mhux dettaljata biżżejjed li seta’ b’xi mod ikun identifikat. Dak iż-żmien l-inħawi ’l fejn ħarab il-qattiel kienu mudlama u għaldaqstant ma kienx faċli li jingħaraf.
Xi ħadd kien qal lill-investigaturi li meta l-qattiel ħarab minn fuq il-post deher iġorr senter f’idejh u telaq bil-mixi iżda b’pass mgħaġġel u mhux jiġri. Iżda dan ix-xhud ma setax jiġri warajh x’aktarx minħabba xi problema fiżika li kellu.
X’sabet il-Pulizija fuq il-post
Il-qattiel ma ħalla ebda evidenza warajh u l-ebda traċċa li biha l-investigaturi setgħu b’xi mod ikollhom xi tarf dwar min seta’ kien il-qattiel. Kien stabbilit li l-arma li ntużat kien senter tal-kaċċa b’żewġ kanen, magħruf bħala ta’ b’żewġ. Din jew kienet b’kanna ħdejn oħra jew żewġ kanen fuq xulxin. B’hekk l-iskrataċċ baqgħu fil-kanna u l-Pulizija ma sabux l-iskrataċċ fl-art.
L-unika ħaġa li l-Pulizija elevaw minn fuq il-post tad-delitt kienet it-takka tal-plastik li jkun hemm mal-iskartoċċ. Din instabet taħt il-karozza ta’ Gauci li kienet ipparkjata fil-garaxx. B’hekk kien ġie stabbilit li l-qattiel kien uża senter tal-kaċċa u li wieħed mill-iskrataċċ kien numru 12 mimli biċ-ċomb u li dan kien mit-tieni tir. L-ewwel tir l-iskartoċċ kellu fih ‘slug’, jew balla waħda tal-marka Brenekke.
Din ħalliet ferita ta’ madwar 3.5 ċentimetri f’dahar Gauci filwaqt li kellu wkoll feriti oħrajn magħmulin miċ-ċomb. Ferita oħra li nstabet fuq il-kadavru ta’ Gauci kienet f’subgħu l-werrej ta’ idu l-leminija. Dan x’aktarx li ntlaqat wara li Gauci ntlaqat bl-ewwel tir u poġġa idu ma’ dahru u l-qattiel spara t-tieni tir.
Aktar minn hekk l-investigaturi ma kellhom xejn iżjed u l-każ kien jidher wieħed ikkumplikat u professjonali. Il-Pulizija baqgħu qatt ma waslu għall-mottiv dwar dan id-delitt.
Ftit wara l-qtil ta’ Victor Gauci, l-Ispetturi Pierre Calleja u Paul Sammut, kienu għamlu xi arresti, iżda ma kien irriżulta xejn.
Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.