Serqa li falliet u ntemmet b’omiċidju

Qtil ta’ Concetta Carabott f’Raħal Ġdid fl-1982 

L-inħawi ta’ fejn seħħ il-qtil ta’ Concetta Carabott
L-inħawi ta’ fejn seħħ il-qtil ta’ Concetta Carabott
L-eks Kummissarju Lawrence Pullicino jasal fuq il-post tal-qtil flimkien ma’ uffiċjali oħrajn tal-pulizija
L-eks Kummissarju Lawrence Pullicino jasal fuq il-post tal-qtil flimkien ma’ uffiċjali oħrajn tal-pulizija

Li ħallelin jidħlu biex jisirqu persuna anzjana diġà huwa reat gravi, iżda li s-serqa li jkunu ppjanaw tfalli u minflok ir-reat jintemm bi qtil, huwa ferm aktar gravi anke jekk l-intenzjoni tal-qtil ma tkunx fil-pjan tal-kriminali. 

Hekk ġara nhar il-Ħamis, 7 ta’ Ottubru 1982 meta Concetta Carabott ta’ 75 sena minn Raħal Ġdid kienet għall-kwiet fid-dar tagħha f’Raħal Ġdid stess faċċata tal-kunvent tas-sorijiet. Hija mietet fgata meta mill-inqas żewġt irġiel daħlu fuqha biex jisirquha. Sal-lum, ftit inqas minn 32 sena wara, dan il-qtil għadu mhux solvut.

L-aħħar passi tal-vittma

Minn stħarriġ li għamilt sibt x’kienu l-aħħar ftit sigħat fil-ħajja ta’ Concetta. Bħalma kienet tagħmel ta’ kuljum, qatt ma naqset li filgħodu tmur tisma’ quddiesa ħlief meta kienet tkun ma tiflaħx.

Dakinhar li nqatlet l-anzjana bħas-soltu ħarġet kmieni filgħodu mid-dar tagħha fi Triq Mater Boni Consilii, f’Raħal Ġdid u marret tisma’ quddiesa fil-Knisja ta’ Kristu Re li tinsab fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid. Mill-knisja Concetta rritornat dritt fir-residenza tagħha. Kienu diversi l-ġirien li f’dik il-ġurnata partikolari raw lil Concetta tirritorna d-dar mill-Knisja.

Kienet rutina tagħha u għaldaqstant kull min kien jafha kien familjari ma’ dak li kienet tagħmel l-anzjana. Jidher li kif waslet id-dar il-mara biddlet il-ħwejjeġ għal dawk ta’ ġewwa u bdiet tagħmel xi faċendi li minkejja l-età tagħha kienet għadha attiva. 

Skont persuni li tkellmu miegħi, qaluli li aktar tard filgħodu stess kienet marret waħda min-neputijiet ta’ Concetta u għamlet ftit ħin titkellem magħha u wara li għenet lil zijitha ssajjar xi ħaġa, telqet. 

Bejn il-11.30am u nofsinhar Concetta kienet se tlesti biex tiekol. Dan jirriżulta mill-platt tal-ikel lest biex jittiekel li sabu l-Pulizija fuq il-mejda.

Taħbita mal-bieb

Kif l-anzjana kienet għadha se tibda tiekol, xi ħadd ħabbat il-bieb u meta Concetta marret biex tiftaħ sabet żewġt irġiel. Qabel leħqet staqsiethom x’kellhom bżonn, wieħed minnhom imbuttaha ’l ġewwa u kif daħlu għalqu l-bieb warajhom.

L-anzjana ma kellhiex ħin tgħajjat għall-ajjut kemm minħabba li kienet maħsuda kif ukoll li x’aktarx wieħed mill-kriminali poġġa jdejh ma’ ħalqha. Jidher li Concetta pprovat tirreżisti, iżda kemm minħabba x-xokk li kellha fuqha kif ukoll minħabba li sabet lill-aggressuri tagħha ferm aktar b’saħħithom minnha, ma kienx possibbli li tkompli tirreżisti u ssejjaħ għall-ajjut.

Il-qattiela ma kinux sawtu lill-anzjana peress li ma kinux instabu marki ta’ vjolenza fuq il-kadavru tagħha. Iżda l-kriminali kienu poġġewlha ċarruta f’ħalqha u rabtulha jdejha b’ħabel biex ma tkomplix tirreżisti.

Biex ma tkunx tista’ tiċċaqlaq, il-qattiela kienu neħħewlha l-papoċċ kif ukoll il-kalzetti suwed li kienet liebsa u rabtulha saqajha bl-istess kalzetti mal-puġġaman tat-taraġ.

B’hekk l-anzjana la setgħet tgħajjat għall-ajjut u lanqas setgħet toħroġ barra.

Bil-vittma f’pożizzjoni li ma setgħetx tfixkel lill-ħallelin, dawn bdew iqallbu kull kamra u fetħu kull kexxun li kien hemm fid-dar. Iżda minkejja dan kollu baqgħu ma sabux il-flus li daħlu biex jisirqu. 

Pulizija jitkellem ma’ waħda mill-ġirien waqt l-investigazzjonijiet
Pulizija jitkellem ma’ waħda mill-ġirien waqt l-investigazzjonijiet

Paniku

X’aktarx li huma waqfu jfittxu meta wieħed minnhom induna li Concetta Carabott kienet waqfet tiċċaqlaq u rrealizzaw li minn każ ta’ serqa issa kellhom fuq idejhom omiċidju aggravat bil-vjolenza ta’ mara anzjana.

Hekk kif il-qattiela ndunaw li l-anzjana ma kinitx qed tieħu nifs u li din kienet se tmut jew diġà mietet, qabadhom biża’ u paniku u riedu joħorġu minn hemm malajr kemm jista’ jkun.

Għaldaqstant huma waqfu jfittxu l-flus li daħlu biex jisirqu u ħarbu minn fuq il-post b’idhom vojta. Issa ż-żewġ ħallelin saru wkoll żewġ qattiela ta’ mara innoċenti

Minkejja li dan ir-reat kriminali seħħ fid-dawl tax-xemx, meta dawn ħarbu minn fuq il-post tad-delitt, ħadd ma kien ra xejn.

Sabitha n-neputija

Ftit qabel il-5pm Orlanda Carabott, neputija oħra tal-anzjana, marret iżżur lil zijitha kif għamlet in-neputija l-oħra aktar kmieni filgħodu. Kif Orlanda waslet ħdejn id-dar innutat li l-bieb ta’ barra u l-antiporta kienu miftuħin beraħ.

Orlanda mill-ewwel issuspettat li kien hemm xi ħaġa ħażina għax zijitha qatt ma kienet tħalli la l-bieb ta’ barra miftuħ u wisq anqas l-antiporta miftuħa beraħ kif sabithom hi.

Orlanda kienet ikkwotata tgħid li “Ma kienx is-soltu tagħha z-zija li tħalli dawn iż-żewġ bibien miftuħin beraħ. Jien bdejt ngħajtilha iżda ma weġbitnix. Għalhekk dħalt biex nara jekk ġralhiex xi ħaġa u kif ersaqt lejn it-taraġ rajtha mixħuta mal-art. Kellha jdejha u saqajha marbutin. Il-kxaxen u l-għamara kienu mqallbin kollha. Kif rajt hekk mort l-Għassa tal-Pulizija u informajthom.”

Meta l-kadavru ta’ Concetta kien eżaminat mit-Tabib Ġużè D’Amato fuq il-post tad-delitt, kien ġie stabbilit li l-mara kienet ilha mejta bejn ħames u sitt sigħat. Għaldaqstant dan kien jindika li hija mietet ftit wara li kienet qiegħda tipprepara biex tiekol.

Delitt li qajjem biża’ fost l-anzjani

Tkellimt kemm ma’ nies li jiftakru dan il-każ li joqogħdu fl-inħawi fejn kienet toqgħod il-vittma kif ukoll ma’ eks-uffiċjal tal-Pulizija li dak iż-żmien kien Spettur u kien jagħmel parti mit-tim ta’ investigaturi, l-Avukat Anġlu Farrugia, illum Speaker tal-Kamra tad-Deputati. 

Dr Farrugia kien qalli li jiftakar sew dan id-delitt minħabba li kien każ li qajjem ħafna għagħa u biża’ speċjalment fost l-anzjani. Kien delitt li wasal fl-istess żmien ta’ tmiem ta’ ġuri dwar każ ta’ anzjana li wkoll instabet marbuta u fgata fl-intrata tad-dar tagħha fiż-Żurrieq. Dan kien każ identiku bħal dak ta’ Concetta Carabott.

Fil-fatt dik is-sena kienu seħħew tliet omiċidji oħrajn qabel dak ta’ Concetta. Fil-21 ta’ Marzu 1982 inqatlet Sapienza Galea fiż-Żurrieq, erbat ijiem wara nqatel Spiru Caruana fil-Belt Valletta u fil-15 ta’ April inqatlet Giovanna Camilleri f’Birżebbuġa. Kien żmien li każ ta’ qtil kien iqajjem biża’ fil-pajjiż. Għaldaqstant meta mxiet l-aħbar tal-qtil ta’ anzjana meta kienet għall-kwiet fid-dar tagħha, kienet ħaġa naturali li kien hemm ħafna nies li beżgħu, speċjalment anzjani u wlied li kellhom il-ġenituri jgħixu waħedhom. 

Dr Farrugia qal li l-Pulizija saret taf bil-qtil ta’ Concetta Carabott tard waranofsinhar. Huwa kien mar fuq il-post flimkien mal-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Lawrence Pullicino, l-Assistent Kummissarju Paul Mamo u s-Supretendenti Carmel Bonello u George Grech. Magħhom kien hemm ukoll l-Ispetturi Joseph Borg u Joseph Psaila. Kif daħlu fid-dar sabu lill-anzjana kif iddiskriviet in-neputija tagħha lill-Pulizija.

“Dakinhar konna arrestajna ċirku ta’ nies involuti fil-kriminalità. Għalkemm il-mottiv kien ta’ serq, il-kwantità ta’ flus li daħlu biex jisirqu ma kinux ittieħdu. Minkejja li l-kriminali kienu qallbu kullimkien il-flus ma nstabux. Dawn konna sibniehom moħbijin,” kien qalli Dr Farrugia. 

Dawn il-flus, li kienu jammontaw għal eluf ta’ liri Maltin, kienu nstabu mill-Pulizija u mill-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat wara tfittxija intensiva fir-residenza ta’ Carabott bħala parti mill-investigazzjonijiet biex jistabbilixxu l-mottiv u anke biex jelevaw kull traċċa li l-qattiela setgħu ħallew warajhom kif jiġri spiss f’kull reat kriminali. Il-flus instabu moħbijin f’diversi partijiet ta’ għamara li kellha l-anzjana fid-dar.

Dan id-delitt kien stramb għax fejn sar, ir-residenza tal-anzjana kienet, u fil-fatt għadha, kantuniera ma’ Triq Żabbar li hija triq prinċipali. Tinsab qrib djar oħrajn, ħwienet u kunvent tas-sorijiet. Il-Pulizija kienu avviċinaw ħafna nies, l-aktar il-ġirien iżda ftit li xejn kienu ta’ għajnuna għall-investigaturi. 

“Ovvjament dak iż-żmien ma kinitx teżisti x-xjenza forensika li hawn bħalissa. Illum ix-xjenza forensika għamlet passi ta’ ġgant. Iżda jekk kemm-il darba għad fadal l-esebiti li konna elevajna dakinhar tad-delitt, u jien ninsab informat li dawn għadhom priservati fid-Depot, allura naħseb li jistgħu jsiru aktar investigazzjonijiet u jsiru paraguni u eżamijiet tad-DNA fuq dawk li kienu suspettati dakinhar,” kien saħaq Anġlu Farrugia.

Minn fuq il-post ta’ dan id-delitt il-Pulizija kienet elevat diversi oġġetti. Fost dawn kienu sabu marki tas-swaba’ fejn sar it-taqlib, elevaw fibri kif ukoll il-ħbula u l-kalzetti li ntużaw biex intrabtet il-vittma u ċarruta li l-qattiela poġġewlha f’ħalqha biex ma tgħajjatx.

Anġlu Farrugia jinsab konvint li bl-għajnuna tax-xjenza forensika dan il-każ għandu jkun solvut. 

Dr Farrugia qalli wkoll li jiftakar li l-Ministru tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien kien Lorry Sant li kien ħa interess personali f’dan il-każ kemm minħabba l-gravità tiegħu kif ukoll minħabba li kien seħħ fid-distrett tiegħu.

Mara rrispettata

Huwa minnu li kważi kull vittma ta’ delitt, speċjalment meta dawn ikunu nies vulnerabbli bħalma huma anzjani ta’ età kbira, wara t-traġedja kulħadd jitkellem sabiħ dwar il-vittma. Concetta Carabott ma kinitx eċċezzjoni tant li ma’ kull min tkellimt kollha kienu ta’ fehma waħda, li Concetta kienet mara maħbuba u rrispettata minn kull min kien jafha.

Anke l-qraba tagħha kienu jirrispettawha u billi kienet xebba u tgħix waħedha kienu kuljum imorru jaraw jekk kellhiex bżonn xi ħaġa.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka