Tliet xhur wara u għadhom ma bdewx jintużaw
Iżarmaw parti minn vettura u jpoġġuha f’oħra biex tgħaddi mill-VRT
minn John Pisani

F’Ġunju li għadda s-sit elettroniku maltatoday.com.mt żvela li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġab mill-Ingilterra tliet fire engines li huma f’kundizzjoni tajba biex id-dipartiment ikun jista’ jneħħi wħud mill-inġenji li għandu li wħud minnhom mhumiex tajbin għat-triq. Iżda tliet xhur wara li waslu dawn it-tliet fire engines, dawn għadhom fil-garaxx tal-istazzjon ta’ Ħal Far.
Bħalissa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu diversi inġenji li huma antiki u li kieku kellhom jagħmlu l-VRT l-probabbiltà hi li ma jinħarġilhomx ċertifikat biex jintużaw fit-triq u aktar u aktar biex jintużaw biex jinsaqu b’ċertu veloċità f’xi każ ta’ emerġenza.
Għaldaqstant meta saru l-arranġamenti biex jinġiebu tliet fire engines li huma fi stat ħafna aħjar minkejja li mhumiex ġodda fjamanti, l-uffiċjali u l-ħaddiema ħadu ftit tan-nifs u ttamaw li dawn it-tliet inġenji jkunu jistgħu jibdew jintużaw mill-aktar fis possibli. Iżda s’issa għad m’hemmx data meta dawn se jibdew jintużaw b’mod regolari.
Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta kellhom verżjonijiet differenti għaliex dawn it-tliet inġenji għadhom fil-garaxx. Kien hemm min sostna li hemm xi tip ta’ diżgwid bejn uffiċjali għoljin fosthom anke dwar il-kulur tagħhom peress li dawn għandhom kulur fl-oranġjo aktar milli ħomor.

L-inġenji li nġiebu mingħand il-Lancashire Fire and Rescue Service fl-Ingilterra waslu Malta fl-24 ta’ Ġunju li għadda. Kien il-Kaptan Reuben Lanfranco, Konsulent Marittimu u Kmandant tas-St John Rescue Corps, li kien permezz tal-kuntatti tajbin li għandu li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili seta’ xtara dawn it-tliet fire engines bi prezz baxx.
Dawn it-tliet inġenji huma Leyland DAF 55 tas-serje 230 u huma mgħammrin b’dak kollu li hemm bżonn kif ukoll adattati għat-toroq Maltin peress li mhumiex kbar ħafna. Is-slielem li ġew magħhom huma kollha ġodda. Qabel ħallew Lanchashire saru l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-preżenza ta’ uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ngħataw id-dawl l-aħdar.
Jidher iżda li dawn il-vetturi għad fadlilhom xi ftit tal-manutenzjoni, bħal tbajja ta’ sadid u xi rtokki żgħar, iridu li meta dawn ikunu inawgurati uffiċjalment mill-ministru responsabbli mid-dipartiment, it-tliet fire engines iridu jkunu preżentabbli anke minħabba l-mezzi tax-xandir.
S’issa dawn it-tliet fire engines diġà għandhom in-numru tar-reġistrazzjoni ta’ Malta mwaħħlin kif ukoll il-logo tad-dipartiment.
Fost l-inġenji li hemm bżonn li jinbidlu hemm dik tal-Hazmat kif ukoll fl-istazzjon ta’ Għawdex. Is-sorsi tagħna qalulna li s-sitwazzjoni ta’ inġenji l-aktar li hija gravi tinsab fl-istazzjon ta’ Għawdex fejn dawn jidher li kien hemm okkażjonijiet li l-ħaddiema stess iżarmaw parti minn waħda u jpoġġuha f’oħra biex il-vettura tgħaddi mill-VRT.
Sadanittant sorsi oħrajn qrib id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qalu lil ILLUM li fil-ġimgħat li għaddew saru l-interviews biex ikunu ngaġġati aktar nies mad-dipartiment. Din il-gazzetta tinsab infurmata li applikaw madwar 570 persuna iżda kulma hemm bżonn huma 35 impjegat ġdid.
L-istess sorsi qalulna li dawk il-voluntieri li ħadmu mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u għandhom ħames snin esperjenza jidher li se jingħataw l-ewwel preferenza.

![[Aġġornat] Kuċċier iweġġa' gravi f'ħabta l-Furjana](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/habta21022025.png)

