Inqatlet għax bdiet taħdem għal rasha

Omm Russa msawta, fgata u mitfugħa fil-baħar fl-2007

Ir-ritratt tal-vittma li kien iċċirkolat fuq il-mezzi tax-xandir
Ir-ritratt tal-vittma li kien iċċirkolat fuq il-mezzi tax-xandir

Seba’ snin u nofs wara li omm żagħżugħa Russa nstabet maqtula fil-baħar b’borża sewda marbuta m’għonqha u b’ħabel imdawwar magħha, il-Pulizija jinsabu fl-istess sitwazzjoni li kienu fiha dakinhar li Larissa Safranova ta’ 25 sena tellgħet mejta mill-baħar qrib Għar id-Dud f’Tas-Sliema. Kienu diversi l-persuni suspettati, imma l-investigaturi qatt ma sabu l-provi konkreti biex isolvu dan l-omiċidju li sal-lum l-investigazzjonijiet għadhom attivi biex isibu imqar l-iċken prova kontra dawk suspettati. 

Jidher li l-Pulizija jemmnu li l-mottiv tal-qtil kien minħabba x-xogħol li kienet tagħmel ta’ prostituta kif ukoll traffikar ta’ droga.

Oġġett suspettuż fil-baħar

Għall-ħabta tas-7.30am tal-Ħamis, 8 ta’ Marzu 2007 il-Pulizija kienu informati li madwar 50 metru ’l barra mill-blat fejn qabel kien hemm ix-‘Chalet’ fix-xatt ta’ Tas-Sliema kien hemm dik li kienet tidher xi ħuta kbira jew katavru f’wiċċ l-ilma.

Fl-inħawi marru diversi units tal-Pulizija li dak iż-żmien kienu jagħmlu parti mill-iskwadra tal-mobile kif ukoll il-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema mmexxijin mis-Surġent Fabian Fleri, illum Spettur fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. 

Kif il-Pulizija waslu fuq il-post indikat, minn fuq l-art huma setgħu jaraw l-oġġett u għaldaqstant sar kuntatt maċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni ta’ Salvataġġ tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-Kwartieri Ġenerali tal-FAM f’Ħal Luqa. Fuq il-post intbagħtet il-lanċa ‘Melita 1’ li kif waslet qrib l-oġġett suspettuż irrapportaw li dan kien katavru ta’ mara u mhux ħuta.

Is-suldati tellgħu l-katavru fuq il-Melita 1 u baqgħu sejrin bih lejn il-Kwartieri Marittimi tal-FAM f’Xatt it-Tiben. Hemhekk kien hemm il-Pulizija jistennew fosthom l-Ispetturi Chris Pullicino u Daniel Zammit mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali flimkien ma’ dawk tad-Distrett.

Il-katavru ta’ Safranova fuq in-naħa tal-lemin fuq il-lanċa Melita 1
Il-katavru ta’ Safranova fuq in-naħa tal-lemin fuq il-lanċa Melita 1

L-ewwel omiċidju tas-sena 2007

Kif il-katavru twassal f’Xatt it-Tiben, fuq il-lanċa Melita I telgħu l-investigaturi. Il-mara kellha rasha f’borża tal-plastik sewda marbuta ma’ għonqha permezz ta’ ċarruta. Hija kienet ukoll marbuta b’ħabel. Kollox kien jindika li l-mara ntefgħet fil-baħar biex il-qattiela jeħilsu mill-katavru.

Il-mod kif instab il-katavru, il-Pulizija ma kellhom l-ebda dubji li fuq idejhom kellhom każ ta’ qtil u li dakinhar kien l-ewwel omiċidju tas-sena 2007. 

L-investigaturi, flimkien mal-esperti tal-Qorti, fosthom it-Tabib Forensiku Mario Scerri, eżaminaw il-katavru fuq il-lanċa stess qabel ma ttieħed lejn il-kamra mortwarja għall-awtopsja.

Sa dak il-ħin l-identità tal-katavru kienet għadha mhix stabbilita u minkejja li kienet liebsa jeans u flokk iswed b’komma twila, ma nstabu l-ebda dokumenti ta’ identifikazzjoni fuqha. Kif instabu l-ħwejjeġ ta’ taħt li kienet liebsa ma kienx eskluż li dawn tlibbsu meta kienet diġà mejta jew mitlufa minn sensiha.

Kulma l-Pulizija kellhom kien li l-katavru kien ta’ mara ta’ karnaġġjon abjad, xagħarha iswed b’malju twil u kellha tpinġija fuq in-naħa t’isfel ta’ daharha. 

Mingħajr ebda identifikazzjoni u l-ebda rapport riċenti ta’ mara rrapportata nieqsa, il-Pulizija bdew jibbażaw l-investigazzjonijiet tagħhom fuq it-tpenġija li l-Pulizija ħasbu li seta’ kien ta’ għajnuna jekk jirriżulta li t-tpinġija sar hawn Malta. It-tama kienet li wieħed mill-artisti li jagħmlu t-tpinġija f’Malta jiftakar li kien għamel it-tpinġija li nstabet fuq il-katavru u forsi seta’ jagħti xi ħjiel min kienet il-vittma.

B’dan il-qtil kienet infurmata l-Maġistrat Dr Edwina Grima li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti tal-Qorti, fosthom lil Dr Mario Scerri u l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

Ingħatat xebgħa u kienet fgata

Wara li tlesta l-aċċess u saru l-ewwel eżamijiet fuq il-katavru fuq il-lanċa tal-Forzi Armati, Dr Mario Scerri flimkien mal-investigaturi setgħu jistabilixxu li l-vittma kellha diversi daqqiet fuq rasha u f’partijiet oħrajn ta’ ġisimha, magħmulin b’oġġett iebes u anke kellha marki li juru li xi ħadd ipprova jifgaha. 

Wara li tlestew dawn l-eżamijiet preliminari, il-katavru tniżżel minn fuq il-Melita 1 u ttieħed lejn il-kamra mortwarja biex issir l-awtopsja.

Dakinhar stess matul il-ġurnata saret l-awtopsja fil-kamra mortwarja tal-Isptar San Luqa li tmexxiet mill-istess Tabib Forensiku Mario Scerri flimkien mal-patoloġisti Safraz Ali u Marie Therese Camilleri Podesta. 

Mill-awtopsja rriżulta li Larissa Safranova sofriet qabel mietet. Meta nstab il-katavru fis-7.30am kien ġie stabbilit li l-vittma kienet ilha mejta madwar erba’ sigħat li jfisser li nqatlet għall-ħabta tat-3am.

Hija kellha tbenġil ma’ diversi partijiet ta’ ġisimha liema tbenġil kien għadu frisk. Ma’ għonq il-vittma nstabu marki ta’ dwiefer kienu jindikaw li saret pressjoni qawwija fuq l-għonq. Hija kellha tbenġil fuq l-ispalla x-xellugija, dirgħajha x-xellugija kif ukoll fuq moħħha u fuq wiċċha, kollha riżultat ta’ daqqiet vjolenti b’oġġett iebes. 

Marki oħrajn kienu jindikaw li hija nżammet waqt li kienet qiegħda tiġi msawta. Hija sofriet ukoll daqqiet fuq riġlejha u daqqa oħra vjolenti fuq rasha. Iżda l-kawża tal-mewt kienet billi Safranova sfat fgata u mitfugħa fil-baħar.

Qabel ma nqatlet, Larissa Safranova għaddiet minn martirju bi swat vjolenti u l-mewt kienet waħda fit-tul u krudili. Hija ntefgħet il-baħar meta kienet diġà mejta tant li meta l-katavru tagħha nstab fil-wiċċ kienet ilha mejta ftit sigħat.

“Meta persuna tegħreq u tmut fil-baħar, il-katavru jinżel fil-qiegħ għax il-pulmun jimtela bl-ilma baħar. Wara xi jiem il-katavru jitla’ fil-wiċċ. Iżda meta persuna tintefa’ fil-baħar meta tkun diġà mejta, il-katavru jibqa’ fil-wiċċ,” spjegali wieħed mis-sorsi.

Tfittxija qrib ix-xatt

Minħabba li kien stabbilit li Safranova ma kinitx ilha mejta meta nstab il-katavru tagħha u kien ukoll stabbilit li l-aħħar movimenti tagħha kienu fl-inħawi tax-xatt ta’ Tas-Sliema fejn diversi persuni kienu rawha l-ġurnata ta’ qabel li nstabet maqtula, l-investigaturi ma setgħux jeskludu li Safranova nqatlet f’Tas-Sliema stess.

B’din it-teżi, il-Pulizija għal darb’oħra talbu l-assistenza tal-Forzi Armati biex jagħmlu tfittxija fil-baħar tul ix-xatt ta’ Tas-Sliema minn ħdejn it-Torri sal-Ponta ta’ Tignè bit-tama li tinstab xi tip ta’ evidenza fil-baħar. Din it-tfittxija saret permezz ta’ għaddasa tal-Forzi Armati. Madankollu t-tfittxija kellha tiġi abbandunata ftit tal-ħin wara minħabba baħar qawwi tant li kien Forza 6 u ma kienx possibbli li ssir it-tfittxija.

“Qabel ma nqatlet għaddiet minn martirju bi swat vjolenti u l-mewt kienet waħda fit-tul u krudili”

Ritratt fuq il-mezzi tax-xandir

Peress li dak iż-żmien ma kienx hemm rapporti ta’ persuni neqsin, il-Pulizija ma kellhom l-ebda ħjiel ta’ min kien il-katavru. Għaldaqstant l-investigaturi daru fuq il-mezzi tal-istampa u x-xandir fejn ħarġu ritratt ta’ wiċċ il-katavru u talbu l-għajnuna tal-pubbliku biex tkun identifikata.

Fil-fatt ftit tal-ħin wara li r-ritratt tal-vittma deher fuq il-mezzi tax-xandir, il-Pulizija kienu avviċinati minn persuna li għarafha. 

Minn aktar informazzjoni l-Pulizija identifkaw il-katavru bħala dak ta’ Larissa Safranova ta’ 25 sena ta’ nazzjonalità Russa.

Prostituzzjoni u droga

Kif il-Pulizija kellhom b’ċertezza li l-vittma kienet Larissa Safranova, immedjatament bdew ifittxu lil kull min kellu xi kuntatt magħha u min kien jafha.

Mill-ewwel investigazzjoni rriżulta li Safranova ma kinitx turista hawn Malta tant li fi spazju ta’ sentejn kienet diġà daħlet u ħarġet minn Malta tliet darbiet. L-ewwel darba li ġiet Malta kien f’Settembru tal-2005 fejn għamlet perjodu qasir. Fl-2006 ġiet Malta darbtejn u baqgħet tgħix hawn.

Sar magħruf li r-Russa kienet qed taħdem bħala prostituta, imma minn dawk magħrufin bħala “call girl” li tfisser li mhux toqgħod titlajja fit-toroq imma min iħaddimha jkollu l-klijenti tiegħu u mhux dejjem fl-istess post. Ġenerlament dawn il-klijenti jkunu rġiel ta’ ċertu klassi li ma jmorrux iduru fit-toroq isibu prostituta imma jsiru l-arranġamenti minn qabel fejn jiltaqgħu ħafna drabi f’postijiet diskreti. 

Il-Pulizija rriżultalha wkoll li Safranova kienet involuta fiċ-ċirku tad-droga, imma aktar fit-traffikar milli fit-teħid tad-droga. Fil-fatt mill-awtopsja ma rriżulta xejn li kien jindika li Safranova kienet tabbuża mid-droga, la mill-eżamijiet tossikoloġiċi u lanqas ma kienu nstabu marki fuq il-katavru ta’ titqib.

“Prostituzzjoni u droga huma żewġ vizzji li kif ixxellef difrejk ma’ min ikun involut u tieħu triq għalik waħdek, tkun qed tixtri l-mewt u l-mewt b’mod kiefer”, qalli espert f’dan il-qasam.

Tgħix ma’ mara barranija

Fix-xhur ta’ qabel ma nqatlet Larissa Safranova, hija kienet marret toqgħod ma’ ħabiba tagħha li kienet ukoll barranija. Għal xi żmien Safranova kienet tkun fil-kumpanija ta’ raġel Taljan li kien joqgħod is-Swieqi. Jidher li dan kien iħobbha u minħabba l-fatt li hija telqet u marret tgħix mal-ħabiba tagħha, dan it-Taljan kien fost il-persuni suspettati fil-qtil tagħha.

Mhux magħruf b’ċertezza għaliex kienet marret toqgħod magħha, iżda kien hemm min qal li meta Safranova bdiet taħdem għal rasha fejn żammet l-istess klijenti u kienet issib hi stess postijiet differenti madwar Malta fejn tmur mal-irġiel, min kien iħaddimha setgħu kienu urtati.

Mill-investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija kienu qamu suspetti serji fuq tliet irġiel Maltin li huma magħrufin sew mal-Pulizija kemm fiċ-ċrieki tal-prostituzzjoni kif ukoll fl-abbuż u t-traffikar tad-droga. Iżda minkejja li dawn kollha kienu interrogati fit-tul, l-investigaturi ma sabu xejn konkret biex iressqu lil xi ħadd jew lil kollha l-Qorti b’konnessjoni mal-qtil brutali ta’ Larissa Safranova.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka