Biċċiet minn moħħu nstabu fl-isqaq

Omiċidju mhux solvut li seħħ 41 sena ilu

Carmelo Calleja - il-vittma
Carmelo Calleja - il-vittma

Carmelo Calleja, ta’ 37 sena minn Ħal Tarxien, li kien magħruf bħala “Tas-Slejs”, ma kienx xi bniedem li jingwalaha man-nies u ma kien jafda lil ħadd. Calleja kien bniedem li kien jippreferi jkun waħdu u jżomm kollox għalih. Min kien jafu jgħid li r-raġel ma tantx kien imur tajjeb ma’ wħud mill-membri tal-familja tiegħu stess u mhux l-ewwel darba li kellhom xi jgħidu. 

Imma minkejja dan u minkejja s-suspetti li seta’ kellhom, u jaf għad għandhom l-investigaturi, xorta waħda għadhom ma waslux biex isolvu l-każ ta’ Carmelo Calleja li nqatel nhar l-Erbgħa, 18 ta’ April 1973 - aktar minn 41 sena ilu qrib ir-razzett li kellu bejn Ħal Tarxien u l-Fgura.

Jinqatel għodu għodu

Għalkemm dakinhar li Calleja nqatel kiesaħ u biered kienet ġurnata ta’ xita, xorta waħda żamm mar-rutina tiegħu. 

Kmieni filgħodu, għall-ħabta tal-5.15am Calleja ħareġ mir-residenza fi Triq id-Dejma biex imur lejn l-għalqa li kienet tinsab fi sqaq bejn Triq id-Dejma u Triq San Tumas. Hemmhekk huwa kellu kamra fejn fiha kien iżomm xi baqar. Huwa kien sejjer hemmhekk biex jieħu l-baqar lejn ir-razzett li kellu ftit ’il bogħod biex jaħlibhom. Fil-fatt Calleja madwar xahrejn qabel ma nqatel kien daħal bħala membru tal-Koperattiva tal-Ħalib.

Fil-ħin li telaq mir-residenza tiegħu biex imur għal-għalqa kien għadu ma sebaħx sew u lanqas kien għad hemm id-djar li hemm illum. It-temp kien imsaħħab u anke kienet ix-xita.

Kif Calleja fetaħ ir-rixtellu u kien se jidħol lejn l-isqaq, mingħajr ebda ħoss ta’ xejn resaq lejh minn wara l-qattiel, ipponta senter taż-żewġ eżatt ma’ ras Calleja u spara ż-żewġ tiri li kien hemm fil-kanna tal-arma. 

Carmelo Calleja niżel fl-art mejjet mingħajr ma kien jaf x’laqtu.

Tant it-tiri kienu sparati mill-viċin li biċċiet tal-laħam u partijiet minn moħħ Calleja nstabu kemm mal-ħitan tas-sejjiegħ kif ukoll fl-isqaq u mar-rixtellu tal-ħadid

Il-qattiel kien jaf sew lill-vittma 

Il-Pulizija ma kellhom l-ebda dubju li min qatel lil Calleja mhux biss kien jafu sew, iżda kien jaf eżatt il-movimenti tiegħu. 

Kien jaf li Calleja kien ibakkar kmieni u kien faċli għall-qattiel li jkun fuq il-post anke qabel il-vittma tiegħu mingħajr ma ħadd kien se jarah. Dan għaliex il-qattiel kellu fejn jistaħba u fid-dlam, f’inħawi fejn kmieni filgħodu ma kinux jgħaddu n-nies u lejn l-isqaq kien imur biss Calleja, allura ftit li xejn seta’ jkollu xkiel. 

Il-Pulizija qatt ma eskludew ukoll li l-qattiel ma kienx jaf biss il-movimenti ta’ Calleja, imma wkoll kien midħla sew tal-post.

Jinstemgħu żewġ tiri

Kien ftit wara l-5.30am li nstemgħu żewġ tiri li venvnu qalb l-għelieqi u l-isqaq. Iżda minkejja l-ħoss tat-tiri, ħadd ma ta ebda każ.

Ftit tal-ħin wara kien għaddej raġel mill-inħawi li nnota lil xi ħadd mitluq fl-art li kienet imxarrba wara ħalba xita matul il-lejl u anke kmieni filgħodu. 

Kif resaq biex jara jekk dak li kien hemm fl-art kellux bżonn xi għajnuna, inħasad meta sab li l-vittma fl-art kien Carmelo Calleja b’rasu litteralment miftuħa beraħ u l-ilma tax-xita madwaru kien aħmar bid-demm.

Kif dan ir-raġel kien sejjer biex jagħmel rapport lill-Pulizija, iltaqa’ ma’ Pulizija li kien għadu kif kien spiċċa jagħmel l-għassa mad-dar tal-eks-Ministru Lorry Sant li dak iż-żmien kien Ministru tal-Bini Pubbliku u Xogħlijiet. Lorry Sant kien joqgħod fl-istess inħawi u kien għalhekk li l-Kuntistabbli kien għaddej minn hemm.

Dan il-kuntistabbli informa minnufih lis-superjuri tiegħu li fi ftit ħin marru fuq il-post diversi uffiċjali kemm mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, fosthom is-Supretendent Joseph Cachia, illum il-Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija, kif ukoll dawk li kienu s-Supretendent Anthony Mifsud Tommasi u l-Ispetturi Grech, Spiteri u Vella.

Biċċiet tal-laħam imferrxin

Kif waslu fuq il-post il-Pulizija, kif ukoll dawk tal-Forensika, sabu li x-xena tad-delitt ma kinitx faċli biex tkun priservata. Mhux biss minħabba li l-art kienet imxarrba, iżda wkoll minħabba li t-tiri li ġew sparati mill-viċin. Tant kienu sparati mill-viċin li biċċiet tal-laħam u partijiet minn moħħ Calleja nstabu kemm mal-ħitan tas-sejjiegħ kif ukoll fl-isqaq u mar-rixtellu tal-ħadid.

Fejn is-soltu meta jkun sparat skartoċċ minn senter, iċ-ċomb jinfirex, f’dan il-każ iċ-ċomb ma kellux fejn jinfirex u spiċċa f’ras Calleja. Minn fuq ix-xena tad-delitt l-Uffiċjali tal-Forensika ma tantx sabu x’jelevaw, lanqas l-iskrataċċ peress li s-senter kien ta’ bi tnejn u l-iskrataċċ baqgħu fil-kanna.

Tfittxija fid-dar ta’ Calleja

Wara li l-investigaturi lestew minn fuq ix-xena fejn inqatel Calleja u l-kadavru tiegħu ttieħed lejn il-kamra mortwarja tal-Isptar San Luqa, huma marru d-dar tal-vittma li kienet tinsab fi Triq id-Dejma f’Ħal Tarxien fejn mad-dar kellu wkoll ir-razzett. Hemmhekk kellu garaxx li kien fuq in-naħa ta’ barra u fejn il-Pulizija sabu vann Austin li rriżulta li kien tal-vittma stess u ħdejh sabu armar li kien jintuża għaż-żwiemel għalkemm jidher li Calleja ma kellux żwiemel. 

Il-post fejn kien joqgħod Carmelo Calleja kien żgħir tant li kien jikkonsisti biss f’bitħa li fiha kien iżomm xi mogħoż u klieb kif ukoll il-magna tal-ħalib. Minn hemm kont tidħol u ssib żewġt ikmamar li kienu waħda iżgħar mill-oħra. 

F’dawn il-kmamar Calleja ma tantx kellu għamara. Rapporti li kienu ppubblikati l-għada tad-delitt kienu jgħidu li fiż-żewġt ikmamar Calleja kellu magna tal-ħasil, sodda tal-ħadid, gwardarobba, komodina u xi affarijiet żgħar bħal spiritiera u pożaumbrelli. Imferrxin kien hemm xi ħwejjeġ, sigaretti, għalf tal-annimali, kitla u bottijiet tal-ikel u affarijiet oħrajn.

Eksluż il-mottiv ta’ serqa

Minn dak li sabu l-Pulizija fir-residenza ta’ Carmelo Calleja, kienu waslu għal konklużjoni li l-mottiv żgur ma kienx biex jisirquh. Fil-fatt huma kienu sabu flus, ġiżirana b’salib tad-deheb imdendel magħha, arloġġ tal-idejn u ċrieket.

Mela jekk il-mottiv ma kienx biex il-qattiel jisirqu, fuq liema teżi mxew il-Pulizija? Din kienet mistoqsija li mhux biss kien hemm min staqsa 41 sena ilu, imma għadha tidwi anke sal-lum.

Kien fatt magħruf li l-karattru ta’ Carmelo Calleja ma kienx xi wieħed li kien jiġbed xi simpatija, għalkemm kellu xi ħbieb, fosthom xebba mir-raħal żgħir ta’ Bengħajsa li jinsab fil-limiti ta’ Birżebbuġa.

L-ikbar inkwiet li kellu Calleja kien ma’ nies qrib tiegħu fosthom xi qraba. Persuni li tkellmu miegħi u li jiftakru l-każ, stqarrew li mhux l-ewwel darba li Calleja kellu xi nkwiet ma’ xi qraba imma mhumiex ċerti eżatt fuq xiex u x’seta ġara biex inqatel kiesaħ u biered.

Il-Pulizija ta’ dak iż-żmien jidher li wkoll kellhom l-istess informazzjoni tant li kienu ġabru xi persuni, fosthom ħutu u xi nisa li kienu jidhru fil-kumpanija ta’ membru tal-familja tal-vittma. Dawn kienu interrogati fit-tul iżda qatt ma rriżultalhom xi ħaġa konkreta minkejja s-suspetti serji.

Il-katavru ta’ Calleja mitluq fl-art mgħotti b’kutra
Il-katavru ta’ Calleja mitluq fl-art mgħotti b’kutra
L-inħawi kif inhuma llum, 41 sena wara l-qtil ta’ Carmelo Calleja
L-inħawi kif inhuma llum, 41 sena wara l-qtil ta’ Carmelo Calleja

L-arma li ntużat kienet misruqa 

Fatt li waslu għalih l-investigaturi kien li l-arma li ntużat fil-qtil ta’ Carmelo Calleja kienet misruqa u dan minkejja li din qatt ma nstabet. 

Minn aktar stħarriġ li għamilt jirriżulta li ċ-ċomb li kien elevat minn ras il-vittma u anke mill-awtopsja, il-Pulizija setgħu jidentifikaw x’tip ta’ arma kienet. Meta għamlu r-riċerka sabu ta’ min setgħet kienet l-arma iżda meta komplew jinvestigaw sabu wkoll li l-arma kienet insterqet mingħand persuna li kienet toqgħod viċin il-familja Calleja.

Interess mill-Awstralja

Carmelo Calleja kellu ħutu u xi qraba li kienu emigraw lejn l-Awstralja. Huwa mifhum li anke Carmelo stess għamel xi żmien jgħix f’Canberra fl-Awstralja qabel l-1964 meta kien għadu żagħżugħ.

Madwar seba’ snin ilu ċertu Charlie Bezzina, li għamel xi żmien jaħdem bħala ‘detective’ mal-Pulizija Awstraljana, wera interess fil-każ ta’ Carmelo Calleja.

Dak iż-żmien il-Pulizija Maltija kienet irċeviet ittra anonima mill-Awstralja fejn infurmathom li min qatel lil Calleja seta’ kien qed jgħix l-Awstralja u li dan kien mar hemm biex jaħrab mill-Pulizija Maltija. Il-fatt li anke Calleja kien għamel xi żmien l-Awstralja, ma jeskludix il-fatt li seta’ kellu xi nkwiet ma’ xi ħadd minn tal-familja fuq kwistjonijiet finanzjarji meta kien għadu jgħix l-Awstralja.

Għalkemm din l-ittra kienet tidher li ntbagħtet minn Bacchus Marsh, fl-Awstralja, setgħet iżda nkitbet minn xi ħadd li kien joqgħod ferm ’il bogħod fosthom f’Melton, Brimbank jew Maribyrnong.

Nifhmu li Bezzina kien anke ġie Malta u tkellem mal-Pulizija Maltija iżda minn dak li ntqal jidher li ma ħareġ xejn li jista’ jsolvi l-każ tal-qtil ta’ Carmelo Calleja f’April tal-1973.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka