Żagħżugħ ta’ 21 sena mis-Somalja, it-Tlieta filgħodu spiċċa fl-inkwiet mal-Pulizija wara li ried jaqbeż il-kju biex jinqeda hu qabel l-oħrajn. Huwa mar hemm biex jirreġistra għax-xogħol.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.35am meta dak il-ħin kien hemm aktar minn 20 persuna, il-maġġoranza tagħhom immigranti, li marru fl-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali li jinsab fil-wied tal-Imsida, fl-Imsida. Biex ma jkunx hemm konfużjoni, u dawk li jmorru jkunu jistgħu jinqdew bl-ordni, il-Pulizija li jkun xogħol f’dan l-uffiċċju jdaħħal tliet persuni u l-oħrajn jistennew fil-kju.
Persuna li kienet ġewwa meta nqala’ l-inċident qalet lil illum.com.mt li minkejja li fuq barra kien hemm diversi persuni oħrajn, dan iż-żagħzugħ qabeż lil dawk kollha li kienu barra u ried li jidħol akkost ta’ kollox.
Il-Pulizija ġibidlu l-attenzjoni biex jerġa’ joħroġ barra u jieħu postu wara min imissu, iżda s-Somalu baqa’ jinsisti u anke kien arroganti mal-Pulizija. Meta l-istess Pulizija pprova jikkalmah u talbu biex joħroġ inkella kien se jkun kostrett li jsejjaħ aktar Pulizija, is-Somalu hedded b’ton arroganti li kien se jirrapportah lill-Prim Ministru u kompla jinsisti li ma kienx se joqgħod fil-kju fuq barra.
Għaldaqstant il-Pulizija talab għall-assistenza fejn fi ftit minuti waslu l-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa tal-Imsida u żewġ units mill-Iskwadra tal-RIU.
Iż-żagħżugħ ġie arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.