Turista tiddaħħal l-isptar f’qagħda gravi

Tfajla Daniża f’diffikultajiet meta kienet qed tgħum l-Għadira

Il-Bajja tal-Għadira. Ritratt : Google
Il-Bajja tal-Għadira. Ritratt : Google

Tfajla ta’ 16-il sena ta’ nazzjonalità Daniża qed tinżamm l-Isptar Mater Dei għal aktar kura u osservazzjoni wara li dalgħodu għall-ħabta tad-9.30am kienet qiegħda tgħum fil-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa u ħassha ħażin.

Raġel li kien fl-istess bajja nnota li t-tfajla kienet wiċċha ’l isfel u ma kinitx qed tiċċaqlaq. Minnufih qabeż fil-baħar u ġibidha għal fuq ir-ramel. Fuq il-post marret ambulanza li kienet stazzjonata qrib iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn l-infermiera bdiet tagħti l-ewwel għajnuna medika lit-tfajla.

Kif twasslet fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kompliet tingħata aktar kura medika mit-tobba. Jidher li t-tfajla se tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva għal aktar osservazzjoni peress li belgħat ħafna ilma baħar. Mhux magħruf jekk iż-żagħżugħa tinsabx fil-periklu tal-mewt jew le.

It-tfajla bħalissa tinsab fuq btala hawn Malta fejn qiegħda toqgħod fil-kumpless Danish Village fil-Mellieħa stess.

Fi stqarrija l-Pulzija qalet li minn stħarriġ preliminari jirriżulta li l-vittma ngħatat l-ewwel għajnuna minn ommha, li kienet magħha, sakemm wasslet ambulanza fuq il-post.

It-tfajla ġiet iċċertifikatha li tinsab f'qagħda kritika.

More in Kronaka