Il-Pulizija tad-Distrett mistennija jressqu l-Qorti raġel ta’ nazzjonalità Olandiża residenti Malta fuq allegat attentat ta’ stupru u li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija.
Il-każ beda fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu meta tfajla Maltija ta’ 18-il sena mis-Swieqi kienet fi stabbiliment f'Paceville u resaq lejha raġel li beda jagħtiha fastidju. Jidher li t-tfajla ma tatux wiċċ u għall-ħabta tal-4am telqet u marret bil-mixi lejn id-dar.
Mingħajr ma kienet konxja li r-raġel kien qed isegwiha, hija kompliet miexja, iżda kif waslet fi Triq Sant Andrija r-raġel ħatafha u qattalha ħwejjiġha u anke pprova jistupraha. It-tfajla rreżistiet u rrnexxielha taħrab minn taħt idejh. Kif ra hekk l-Olandiż telaq minn fuq il-post u ħalla lit-tfajla bi ħwejjiġha mqatta’ fit-triq.
It-tfajla ċemplet id-dar u ftit tal-ħin wara marret ommha bi ħwejjeġ oħrajn u anke infurmaw lill-Pulizija. Fuq il-post marru s-Surġent Ramon Mifsud Grech flimkien mal-Kuntistabbli Shaun Axiaq u Brian Tonna. Wara li t-tfajla tat deskrizzjoni tal-aggressur, il-Pulizija bdew bi tfittxija għalih. Ir-raġel ġie arrestat fi Triq San Ġorġ f’Paceville u ttieħed l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.
Kif kien qiegħed fl-Għassa huwa rnexxielu jiżgiċċa mill-kustodja tal-Pulizija u ta salt u telaq jiġri ’l barra. Iżda l-ħarba tiegħu damet biss ftit minuti għax inqabad mill-istess pulizija ftit metri ’l bogħod.
L-Ispettur Trevor Micallef tad-Distrett qed jinvestiga l-każ.