Tinstab droga fuq żewġ żgħażagħ

Il-Pulizija sabu wkoll munizzjon u oġġetti relatati mad-droga f'dar ta' wieħed minnhom

Ir-rapport sar wara li ż-żgħażagħ kienu qed jagħmlu ħafna storbju
Ir-rapport sar wara li ż-żgħażagħ kienu qed jagħmlu ħafna storbju

Dalgħodu għall-ħabta tas-2am il-Pulizija tad-Distrett fl-Għassa ta’ San Ġiljan waslitilhom informazzjoni li fi Triq Ta’ Ġiorni, f’San Ġiljan, kien hemm żewġ żgħażagħ li kienu qegħdin isuqu żewġ roti mekkanizzati u li kienu qed jagħmlu ħafna storbju.

Fuq il-post marru s-Surġent Ramon Mifsud Grech flimkien mal-Kuntistabbli Shaun Axiaq u Brian Tonna. Kif waslu sabu liż-żewġ ġuvintur, wieħed ta’ 18-il sena u l-ieħor ta’ 17-il sena, it-tnejn minn San Ġiljan. 

Peress li ż-żewġ żgħażagħ dehru supsettużi, il-Pulizija għamlu tfittxija fuqhom u sabu li kellhom ammont żgħir tad-droga Cannabis. L-istess Pulizija wettqu tfittxija oħra fid-dar fejn joqgħod dak ta’ 18-il sena u hawnhekk sabu oġġetti relatati mal-abbuż u traffikar tad-droga fosthom miżien, pipa u oġġetti oħrajn. Il-Pulizija sabu wkoll munizzjon ta’ armi tan-nar. L-oġġetti ġew elevati mill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Filwaqt li ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena baqa’ jinżamm għal aktar stħarriġ, sieħbu nħeles fil-kustodja tal-ġenituri tiegħu.

L-Ispettur Trevor Micallef tad-Distrett ġie informat u kompla jistħarreġ dan il-każ.

More in Kronaka