Ilbieraħ għall-ħabta tas-7pm il-Pulizija ġiet informata li kien iddaħħal fl-Isptar Mater Dei żagħżugħ ta’ 24 sena li nstab mitluf minn sensih u miet ftit tal-ħin wara.
Iż-żagħżugħ, li huwa minn Wied il-Għajn, instab x’imkien fil-Ħamrun u l-ewwel indikazzjonijiet kienu juru li kien qed ibati minn overdose ta’ droga. F’dan l-istadju l-Pulizija għad trid tistabilixxi jekk fil-fatt hux każ ta’ overdose u jekk sar abbuż, x’tip ta’ droga ħa.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali u l-Pulizija tad-Distrett immexxjin mill-Ispettur Robert Vella qed jinvestigaw.
Jekk jirriżulta li dan huwa każ fatali ta’ overdose bid-droga, allura huwa l-ewwel każ li kellna din is-sena skont statistika mhux uffiċjali għaldaqstant il-Pulizija se tistenna riżultati tal-awtopsja u dawk tossikoloġiċi.