Ilbieraħ filgħaxija Abubaker Shekau qata' kull tama li dawn il-200 tfajla Niġerjana maħtufa setgħu xi darba jiġu meħlusa. "Il-kwistjoni ta' dawn it-tfajliet tistgħu tinsewha" qal bid-daħka, "F'din il-gwerra m'hemmx triq lura, kollha żżewġu u għandhom ħajja oħra."
Il-kap tad-difiża Niġerjana kien ħabbar li Boko Haram kienu qablu li se jwaqqfu l-battalja tagħhom kontra l-gvern Niġerjan li ilha għaddejja ħames snin u li fiha tilfu ħajjithom eluf ta' Niġerjani u mijiet ta' eluf ħarbu minn djarhom fin-naħa ta' fuq tan-Niġerja.
Iżda l-attakki u l-ħtif baqa' għaddej fejn dil-ġimgħa l-estremisti ħatfu l-belt ta' Mubi li fiha jgħixu 200,000 persuna. Shekau qal li Boko Haram iridu jistabilixxu stat Iżlamiku bħal dak tal-ISIS fis-Sirja u l-Iraq.
Fin-Niġerja jgħixu 160 miljun persuna li hu l-akbar popolazzjoni fil-kontinent tal-Afrika u dawn huma maqsuma bejn Kristjani u Musulmani. Il-Musulmani jiddominaw in-naħa ta' fuq u l-Kristjani n-naħa ta' isfel tan-Niġerja. Dan in-nazzjon hu l-akbar produttur taż-żejt fl-Afrika u għandu l-akbar ekonomija.