Video grafiku maħruġ mill-istat Iżlamiku juri li l- Amerikan li kien jgħin fis-Sirja ġie maqtul billi inqatgħetlu rasu. Kassig li għandu 26 sena inqabad bħala priġunier is-sena l-oħra waqt li kien qed jipprovdi għajnuna medika lis-Sirjani fl-1 ta' Ottubru 2013.
Fil-ġimgħat li għaddew ħbieb u familjari kienu qed jitkarrbu lill-ISIS biex ma joqtluhx.
Kassig serva fl-armata Amerikana fil-gwerra tal-Iraq u kien 'discharged' minħabba saħħtu. Hu għażel li jibqa jgħin bħala tekniku mediku fl-emerġenza, bħala voluntier fi sptarijiet u jgħin refuġjati Palestinjani u dawk li kienu qed jaħarbu mill-gwerra ċivili tas-Sirja.
F'video ta' 16-il minuta li ħareġ fuq is-siti soċjali illum il-Ħadd, militant b'wiċċu mgħotti jidher ħdejn ir-ras li hu qed jgħid li hi tal-Amerikan Kassig.
Il-video juri wkoll qtugħ ta' ras ta' 16-il suldat Sirjan maqbuda priġunieri. Ma kien immedjatament possibli li jiġi konfermat uffiċjalment li dak li deher fil-video kien Kassig.
Kassig bidel ismu għal Abdul Rahman minn meta kkonverta għall-Iżlam.