[AĠĠORNAT 3] Ix-xufier tal-Ministru Mallia spara sparaturi ta' twissija wara li karozza laqtitu u baqgħet sejra

Qed ikun allegat li l-barrani kellu aktar mit-triplu ta' alkoħol fid-demm minn dak stabbilit bil-liġi

Il-karozza tal-barrani fuq il-lowloader tal-Pulizija. Ritratt John Pisani
Il-karozza tal-barrani fuq il-lowloader tal-Pulizija. Ritratt John Pisani
Il-karozza tal-Ministeru tal-Intern bil-mera mkissra u l-ġenb mibrux.  Ritratt John Pisani
Il-karozza tal-Ministeru tal-Intern bil-mera mkissra u l-ġenb mibrux. Ritratt John Pisani
Taħt il-mini tal-Imsida fejn twaqqaf il-barrani.  Ritratt John Pisani
Taħt il-mini tal-Imsida fejn twaqqaf il-barrani. Ritratt John Pisani
Iċ-ċrieki juru fejn intlaqtet il-karozza tal-barrani. Ritratt John Pisani
Iċ-ċrieki juru fejn intlaqtet il-karozza tal-barrani. Ritratt John Pisani

Aġġornament

Minn aktar stħarriġ li għamel is-sit illum.com.mt jirriżulta li l-Iskoċċiż, Stephen Smith li għamel xi żmien jgħix fuq jott u issa qed joqgħod Birkirkara, għal aktar minn tliet darbiet irrifjuta li jagħmel il-Breathalyzer Test, l-eżami tan-nifs biex ikun stabbilit l-ammont ta’ alkoħol fid-demm. Dan minkejja li kien imwissi li jekk ma jagħmilx dan it-test kien qed jinkrimina lilu nnifsu.

Kien biss meta ttieħed l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida fil-preżenza tal-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras u l-esperti tal-Qorti, fosthom Dr Mario Scerri u l-Perit Valerio Schembri, li aċċetta li jagħmel dan it-test.

Minkejja li kienu għaddew aktar minn tliet sigħat mindu beda dan l-inċident, kif għamel il-Breathalyzer Test dan immarka 109 meta l-limitu stabbilit bil-liġi huwa ta’ 32. Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li Smith kien fi stat ta’ sakra u l-fatt li kien qed isuq karozza f’dak l-istat kien ta’ periklu mhux biss għal sewwieqa oħra u nies mexjin fit-triq, imma anke għalih innifsu.

“Ir-raġel kellu arma f’idejh – il-karozza – li meta persuna jkun fl-istat ta’ sakra kif qed ikun allegat li kien b’dak l-ammont ta’ alkoħol fid-demm, allura l-karozza tkun arma qattiela”, qalilna sors fil-kamp mediku.

Meta Smith twaqqaf mix-xufier tal-Ministru, Paul Sheehan, wara li l-barrani ħabat mal-karozza ministerjali u baqa’ sejjer, huwa ħareġ mill-karozza u allegatament kien se jmur biex jaggredixxi lix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, li huwa membru tal-Korp tal-Pulizija.

Qed ikun allegat li peress li kien id-dlam u l-Iskoċċiż ħareġ mill-karozza b’oġġett f’idu, il-Pulizija ħareġ l-arma tas-servizz u spara tiri ta’ twissija. Kien wara li sar magħruf li l-oġġett kien flixkun tal-alkoħol u mhux qed ikun eskluż li dan kien se jużah biex jaggredixxi lil Sheehan.

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-barrani ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, għalkemm dak il-ħin ma kienx jaf li x-xufier tal-Ministru huwa Pulizija u xorta baqa’ sejjer għal fuqu. Kien hawn li l-Pulizija spara tiri ta’ twissija biex iwaqqfu. Wieħed mit-tiri laqat is-saqaf tal-karozza eżatt fuq il-ħġieġa ta’ wara fuq in-naħa tax-xellug u t-tir l-ieħor laqat il-bumper fuq in-naħa tal-lemin.

Meta għat-tieni darba ħarab minn fuq il-post l-istess xufier tal-ministru saq għal warajh u talab għall-assistenza. Huwa twaqqaf taħt il-mini fi Triq Reġjonali mill-Iskwadra tal-RIU li arrestawh filwaqt li ġew informati s-superjuri tagħhom.

Fuq il-post marru diversi uffiċjali tal-Pulizija. Preżenti kien hemm l-Aġent Kummissarju Raymond Zammit, l-Assistent Kummissarju Sandro Zarb, is-Supretendent Sandra Mamo kif ukoll l-Ispettur Saviour Baldacchino mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni u l-Ispettur Jason F. Sultana flimkien mas-Surġent David Sant tad-Distrett.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.

Iktar qabel...

Wara li l-barrani baqa' jirrifjuta li jikkopera mal-Pulizija fejn ittieħed fl-Għassa ta' San Ġiljan biex isirlu l-eżami tan-nifs, huwa ttieħed lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn qed ikun interrogat.

Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti fosthom lill-Prokuratur Legali Mario Buttigieg u lill-Pulizija tal-Ballistika. L-Ispettur Jason Sultana qed jinvestiga dan il-każ. 

Fuq il-post tal-inċident marru diversi Pulizija fosthom l-Assistent Kummissarju Sandro Zarb.

Iktar kmieni....

Għall-ħabta tad-9.10pm tal-lejla, karozza misjuqa minn raġel ta' nazzjonalità Skoċċiża kienet għaddejja minn ħdejn il-fabbrika tal-Golden Harvest fil-Gżira u laqtet il-karozza pparkjata tal-Ministru Mallia. Fil-ħin tal-inċident ma kien hemm ħadd fil-karozza. Mal-ħoss tad-daqqa, ix-xufier tal-karozza tal-Gvern mar jara x'ġara u nduna li kien każ ta' hit & run u immedjatament segwa l-karozza li ħolqot l-inċident. 

Malli sabu ħdejn il-pixxina tal-Qroqq, l-Iskoċċiż prova jross lill-karozza ministerjali mal-ħajt tal-pixxina mbagħad ir-raġel ta' nazzjonalità barranija ħareġ mill-karozza bi flixkun tal-birra f'idejh sabiex iħebb għax-xufier, malli ra hekk, ix-xufier ta' Mallia, li hu Pulizija, u b'hekk kien armat, spara żewġ tiri ta' twissija u laqat il-karozza tal-Iskoċċiż. Malli ra hekk l-Iskoċċiż ħarab u ġie mwaqqaf ħdejn il-mini ta' Santa Venera, mill-istess xufier tal-Ministru.

Fuq il-post marru l-membri tal-RIU li għadhom kemm arrestaw lill-Iskoċċiż u se jeħduh l-għassa ta' San Giljan. L-Iskoċċiż allegatament kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol. Sorsi infurmati għadhom kif qalulna li l-Iskoċċiż mhux jikkopera mal-Pulizija u kellu fuqu riħa qawwija ta' xorb.

Dak il-ħin il-Ministru Mallia kien jinsab jattendi funzjoni uffiċjali fid-Depot tal-Pulizija fil-Furjana.

More in Kronaka