Sheehan mistenni jitressaq il-Qorti

Il-pożizzjoni tal-Ministru Manuel Mallia m’għadhiex tenibbli - PN

L-eks xufier ta' Mallia
L-eks xufier ta' Mallia

Skont l-aħħar informazzjoni li ġiet żvelata mill-mezzi tax-xandir, jiġifieri li x-xufier tal-Ministru Manuel Mallia se jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin, tkompi tikkonferma li l-pożizzjoni tal-Ministru Mallia m’għadhiex tenibbli, u għalhekk, il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jneħħih minnufih. Fl-istqarrija tiegħu ta’ nhar l-Erbgħa, il-Ministru Mallia gideb dwar dan il-każ u l-Ħamis, fil-konferenza tal-aħbarijiet, iddefenda lix-xufier tiegħu li se jitressaq il-Qorti. Dan kollu jpoġġi l-pożizzjoni tiegħu bħala mhux tenibbli.
 
Dan qalu l-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem għall-Ġustizzja Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi fil-każ tal-isparatura tax-xufier tal-Ministru Manuel Mallia.
 
Beppe Fenech Adami fakkar li mnalla kienu l-mezzi tax-xandir li waslu fil-post fil-ħin, għaliex kieku l-pjan tal-Ministru Mallia ta’ cover-up kien jirnexxi. Hu fakkar li l-istqarrija li ħareġ il-Ministru kellha numru ta’ gideb, fosthom li l-inċident kien wieħed ta’ hit-and-run u li l-isparaturi kienu biss għal twissija.
 
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fil-ħin li seħħ il-każ u fil-ħin li l-informazzjoni ta’ x’ġara daħlet id-Depot, il-Ministru Manuel Mallia kien jinsab id-Depot tal-Pulizija flimkien mal-Aġent Kummissarju Ray Zammit. Kien f’dak il-ħin li nħarġet l-ordni biex il-karozza tal-Iskoċċiż tiċċaqlaq u titpoġġa fuq il-low-loader.
 
Minn naħa tiegħu, l-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi sostna li l-provi fix-xena tad-delitt ġew imbagħbsa, kif ikkonferma l-Aġent Kummissarju li l-karozza tal-Iskoċċiż tpoġġiet fuq il-low-loader. Hu sostna li x-xufier tal-Ministru Mallia ta l-istqarrija tiegħu lill-Pulizija l-għada filgħaxija, li jfisser li għadda ħafna ħin bejn il-ħin tal-isparatura l-ħin meta saret l-istqarrija.
 
Jason Azzopardi qal li f’każi bħal dawn, ġeneralment, l-akkużat jitressaq il-Qorti fi żmien 48 siegħa. F’dan il-każ, iżda ma ġarax hekk, sostna l-Kelliem għall-Intern. L-eks xufier tal-Ministru Manuel Mallia li kien involut fi sparatura nhar l-Erbgha li għadda mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Paul Sheehan kien involut f'każ fejn raġel ta' nazzjonalità barranija u li jgħix Malta. Stephen Morrison Smith laqat il-karozza tal-Ministru Mallia fil-Gżira u minn hemm qam argument bejn Sheehan u Morrison Smith fejn dawn niżlu għal xulxin. Jidher li Sheehan kellu f'idejh arma tan-nar waqt li Morrison Smith kellu flixkun. Hu mifhum li kif Morrison Smith ra lil Sheehan bl-arma f'idu dar lura u saq b'Sheehan isegwih.

Sheehan allegatament spara żewġ tiri fuq il-vettura ta' Morrison Smith bħala self-defence.

More in Kronaka