Żiemel attakat minn kelb tar-razza Pitbull

Sofra tiċrit u ġrieħi gravi fil-parti ġenitali, gidem ukoll raġel

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Il-Pulizija flimkien mad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali qed jinvestigaw każ fejn kelb attakka żiemel fejn iż-żiemel ħarab mill-istalla u laqat karozza. Il-kelb gidem ukoll missier sid iż-żiemel li ddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Il-każ seħħ aktar kmieni llum waranofsinhar għall-ħabta tas-2.00 p.m. qrib skola fil-Ħamrun meta l-kelb tar-razza Pitbull li kien qed jinżamm flimkien ma’ kelba oħra, x’aktarx biex jitrawmu, attakka żiemel li kien fl-istess post.

Qed ikun allegat li l-kelb gidem liż-żiemel f’diversi partijiet fosthom il-parti ġenitali tiegħu fejn qed jingħad li ċarratlu parti mill-ġenitali.

Biex jaħrab mill-attakk feroċi tal-kelb, iż-żiemel sfratta u rrnexxielu jaħrab fit-triq fejn anke laqat karozza li kienet ipparkjata fi Triq Farsons.

Huwa mifhum li l-kelb attakka wkoll missier sid iż-żiemel x’aktarx meta dan mar biex jiddefendi liż-żiemel. Minn hem mil-kelb ħarab u bdiet tfittxija għalih mill-Pulizija tal-RIU u mill-uffiċjali tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali. Il-kelb inqabad fi Triq is-Sewwieqa fil-Ħamrun stess.

Huwa mifhum li l-kelb mhux iċċipjat u għandu wkoll parti minn widnejh maqtugħa. Kemm il-Pulizija kif ukoll id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali qed jinvestigaw jekk il-kelb hux qed jinżamm biex jintuża fil-ġlied tal-klieb.

Iż-żiemel ingħata l-kura meħtieġa minn veterinarju fejn kellu bżonn xi punti fil-feriti li sofra. Min-naħa l-oħra l-kelb ittieħed fiċ-Centru San Franġisk f’Ta’ Qali biex ikun eżaminat.

Il-Pulizija tad-Distrett qed tinvestiga l-każ.

 

More in Kronaka