Każ li twarrab minħabba x-xena politika
Mis-serje ta' delitti mhux solvuti - Qtil ta’ anzjan f’Birżebbuġa fl-1986
minn John Pisani
Qtil brutali ta’ anzjan ta’ 70 sena li seħħ aktar minn 28 sena ilu, ma ngħatax l-importanza li s-soltu jingħataw każi ta’ qtil speċjalment fuq anzjani vulnerabbli, kemm mill-Pulizija kif ukoll mill-mezzi tax-xandir lokali, dan minħabba li dak iż-żmien pajjiżna kien għaddej minn żmien ta’ taqlib politiku u anke inkwiet serju.
Ġanni Grixti, għażeb ta’ 70 sena, instab maqtul fgat fir-razzett tiegħu li jinsab bejn Ħal Far u Birżebbuġa nhar is-Sibt, 5 ta’ April 1986.
Tirrapporta infermiera
Ġanni Grixti kien għażeb u kien jgħix waħdu f’razzett fi Triq Ħal Far. Għalkemm jidher li l-anzjan seta’ kien ilu mejjet xi jumejn qabel ma nstab, kien is-Sibt għall-ħabta tal-10.10am li qam suspett li Ġanni seta’ ġralu xi ħaġa.
Infermiera tal-MMDNA, li kienet tmur tikkurah regolarment, tħassbet meta dakinhar ħabbtet il-bieb tar-razzett ta’ Grixti diversi drabi u l-anzjan baqa’ ma rrispondiex. Peress li dak iż-żmien ma kienx għad hawn it-tekonoloġija tal-mobile, l-infermiera marret l-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa fejn informat lill-Pulizija li kienet għadha kif marret fir-razzett ta’ Ġanni Grixti biex tagħtih il-kura li kellu bżonn. Hija qaltilhom li s-soltu ssib il-bieb tar-razzett imbexxaq u lill-anzjan jistenniha, iżda dakinhar sabet il-bieb magħluq. Hija qalet li meta marret il-ġurnata ta’ qabel, il-Ġimgħa, 4 ta’ April, ukoll ma sabitux hemm imma ħasbet li forsi kellu xi qadja x’jagħmel.
Meta reġgħet marret is-Sibt filgħodu minkejja li ħabbtet diversi drabi u bdiet issejjaħlu, ma kienx hemm risposta. L-infermiera qalet lill-Pulizija li kienet qed tisssuspetta li l-anzjan seta’ ġralu xi ħaġa.
Sabuh mejjet fl-għorfa
Ftit tal-ħin wara li l-infermiera għamlet ir-rapport tagħha, il-Pulizija, akkumpanjati mill-istess infermiera, waslu fir-razzett ta’ Grixti li jinsab fi Triq Ħal Far eżatt biswit l-istabbiliment Caribbean. Wara li anke l-Pulizija ħabbtu u ma kienx hemm risposta, huma ma kellhomx għażla oħra ħlief li jisgassaw il-bieb.
Kif daħlu nnutaw xi taqlib fid-daħla, iżda għall-ewwel ma ssuspettaw xejn għax ħasbu li kien taqlib normali. Qabel ma telgħu t-taraġ li hemm fuq ix-xellug kif tidħol fir-razzett, liema taraġ jagħti għall-għorfa, il-Pulizija reġgħu sejħu lil Ġanni, iżda għal darb’oħra ma kienx hemm risposta.
Għaldaqstant il-Pulizija talbu lill-infermiera biex tibqa’ tistenna isfel sakemm huma jitilgħu t-taraġ u kif fetħu l-bieb raw lil Ġanni Grixti fuq is-sodda wiċċu ’l fuq u bil-flokk ta’ taħt tiegħu stess imdawwar m’għonqu. Huwa kellu jdejh u saqajh marbutin. Il-mod kif instab il-katavru tal-anzjan kien jindika li ma kienx bniedem waħdu li wettaq dan id-delitt faħxi.
Fl-istess kamra fejn instab l-anzjan kien hemm ħafna taqlib. Il-kxaxen kienu kollha miftuħin u ħafna minn dak li kien hemm fihom spiċċaw fl-art u fuq għamara oħra. Kien evidenti li l-anzjan kien spiċċa vittma ta’ ħallelin li biex isikktuh mhux biss aggredewh imma wkoll fgawh bil-flokk ta’ taħt tiegħu stess.
Grixti x’aktarx li pprova jiddefendi lilu nnifsu waqt li kien qed ikun imsawwat. Huwa kellu daqqiet fuq wiċċu kif ukoll f’partijiet oħra ta’ ġismu. Jidher li kif il-qattiela raw li Grixti ma beżax minnhom, żammewh u dawrulu l-flokk ta’ taħt ma’ għonqu u bdew jissikkawh sakemm intilef minn sensih u miet fgat bi ħwejġu stess.
Meta l-Pulizija komplew iduru fir-razzett ta’ Ġanni Grixti sabu aktar taqlib. Mhux magħruf x’setgħu serqulu, imma l-qattiela kellhom il-ħin kollu tagħhom biex iqallbu u jfittxu mingħajr ebda xkiel ta’ xejn. Dan għax fejn jinsab ir-razzett ma kien hemm l-ebda djar oħra, kif fil-fatt għadu hekk sal-lum.
It-triq hija dik li minn Ħal Far tagħti għal Birżebbuġa u r-razzett jinsab inqas minn żewġ kilometri ’l bogħod mill-Port Ħieles.
Il-mod kif instab il-katavru ta’ Grixti, il-Pulizija jemmnu li meta daħlu fuqu l-kriminali, huwa kien jew rieqed jew diġà fis-sodda. Għalkemm kien ġie stabbilit li l-anzjan kien ilu madwar jumejn mejjet, l-investigaturi ma setgħux jgħidu jekk il-qattiela daħlux fuqu matul il-lejl jew ftit wara li dalam.
Daħlu mit-trejqa
Minħabba li l-investigaturi ma kinux sabu sgass fil-bieb ta’ quddiem tar-razzett ta’ Grixti, qatt ma eskludew li l-qattiela daħlu billi qabżu ċint li hemm fi Triq tal-Papa kantuniera ma’ Triq Ħal Far. Minn hemm jidher li telgħu t-taraġ li jagħti għall-għorfa fejn kien jorqod Grixti u ħasdu lill-anzjan li x’aktarx kien diġà rieqed jew kien lest biex jidħol fis-sodda.
Wara li ħelsu mill-anzjan il-qattiela setgħu jkomplu jqallbu l-post. Mhux eskluż ukoll li dawn reġgħu ħarġu minn fejn daħlu u setgħu ħarbu kemm mit-triq prinċipali lejn Birżebbuġa jew bil-kontra lejn Ħal Far, jew jekk saqu fi Triq il-Papa, din tagħti wkoll għal Birżebbuġa lejn l-inħawi ta’ Wied il-Buni.
B’dan l-omiċidju kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr David Scicluna li mexxa l-inkjesta. Bħala esperti, kienu nħatru fuq dan il-każ il-Perit Richard Aquilina u Dr Anthony Abela Medici flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tmexxew mill-eks Spettur Nicholas Ciappara.
Persuni li kienu tkellmu mal-Pulizija stqarrew li l-aħħar darba li kienu raw lil Ġanni Grixti kien l-Erbgħa jew il-Ħamis ta’ qabel instab maqtul.
Ma ngħatax importanza minħabba l-politika
Meta kont qed nagħmel ir-riċerka dwar dan l-omiċidju, sfortunatament ftit li xejn sibt informazzjoni. Dak iż-żmien, fl-1986, pajjiżna kien għaddej minn kampanja politika ħarxa u anke mumenti ta’ tensjoni. Kien żmien meta l-Pulizija kienu impenjati b’argumenti jaħarqu u anke bombi ma’ diversi postijiet. L-attivitajiet politiċi kienu aktar importanti minn kull ħaġa oħra. Dawn l-attivitajiet politiċi kienu qegħdin iwasslu għall-Elezzjoni Ġenerali tal-1987, li kienet waħda mill-aktar Elezzjoni Ġenerali “taħraq” fl-istorja ta’ pajjiżna.
…il-qattiela kellhom il-ħin kollu tagħhom biex iqallbu u jfittxu mingħajr ebda xkiel ta’ xejn. Dan għaliex fejn jinsab ir-razzett m’hemm l-ebda dar oħra…
Għaldaqstant l-aħbar ta’ qtil ta’ anzjan li kien jgħix waħdu, li nqatel biex jisirquh, ftit li xejn ingħatat importanza għaliex il-ġurnali kienu aktar mimlijin bl-istejjer marbutin max-xena politika.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalulna wkoll li anke l-Pulizija ma kinux ħlew ir-riżorsi tagħhom fuq dan l-omiċidju għax kienu huma wkoll impenjati biex iżommu l-ordni fil-pajjiż kif ukoll biex jinvestigaw dawk “ir-reati politiċi” li kienu qegħdin iseħħu ta’ kuljum.
Aktar omiċidji
Barra l-attivitajiet politiċi u l-problemi li ġew magħhom li ħallew lill-Pulizija impenjati, inqas minn ġimagħtejn wara kien seħħ omiċidju ieħor meta fil-25 ta’ April f’Ħal Qormi nqatel Carmel Micallef.
Aktar qabel, fit-28 ta’ Frar kien hemm qtil ieħor, dak ta’ Emanuel Micallef fil-Għargħur u aktar tard – fit-30 ta’ Ottubru nqatlet Maria Stella Magrin f’Bormla, fid-9 ta’ Diċembru fl-Għarb, Għawdex inqatel Frenċ Vella. Dawn l-omiċidji kollha solvuti mill-Pulizija u anke tressqu persuni l-Qorti.
Fil-5 ta’ Diċembru tal-istess sena kien inqatel Raymond Caruana fil-każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Gudja, qtil li għadu mhux solvut u li wkoll ingħata t-timbru ta’ qtil politiku.
B’dawn id-delitti, il-Pulizija ma kellhomx biex ikomplu jinvestigaw il-qtil tal-anzjan Ġanni Grixti.
Tkellimna ma’ qariba tal-vittma
Ippruvajna nsibu lil xi ħadd li jiġu minn Ġanni Grixti. Fl-aħħar jiem sibna lil Ċettina Farrugia ta’ 69 sena minn Birżebbuġa stess. Ċettina hija l-mara tan-neputi tal-vittma, li ftit tax-xhur ilu tilfet lil żewġha.
Ċettina qaltilna li peress li z-ziju ta’ żewġha kien jgħix waħdu u hemm distanza minn fejn toqgħod hi u r-razzett ta’ Ġanni, ftit li xejn taf fuqu. Hija qalet li meta sabuh mejjet ma kinux tħallew jersqu lejn il-post u għalhekk ma setgħetx tiddiskrivilna x-xena li sabu l-Pulizija.
Dwar Ġanni Grixti, hija qaltilna li tiftakru jaħdem fir-raba’ imma meta kien iżgħar ma tafx eżatt x’kien jagħmel. Mistoqsija jekk tafx x’kienu serqulu jew jekk kellux x’jisirqulu, Ċettina Farrugia stqarret li l-anzjan kien ta’ għalih waħdu u ħafna mill-ħin kien iqattgħu fir-razzett. Hija qalet li kellu ħutu, illum mejtin, imma rrepetiet li ftit li xejn kienet taf dwar il-ħajja taz-ziju tar-raġel tagħha.
Ir-razzett ta’ Grixti qed tieħu ħsiebu l-istess Ċettina fejn il-post qed jinżamm f’kundizzjoni tajba. Il-mara tmur darbtejn kuljum fir-razzett biex tieħu ħsieb xi klieb u qtates.
Nuqqas ta’ koperazzjoni
Ippruvajna naraw kif il-Korp tal-Pulizija seta’ b’xi mod jgħinna dwar dan il-każ mingħajr ma jiżvelaw xi tip ta’ informazzjoni li tista’ tfixkel l-investigazzjoni tagħhom.
Għamilna talba, ġejna mwegħdin li se jikkooperaw għal aktar minn darba, iżda sfortunatament sibna ‘bieb magħluq’ u l-ebda koperazzjoni.