Fi stqarrija l-Puliziaj kkonfermat dak li rrapportajna iktar kmieni fuq dan is-sit li l-każ huwa ta' "hit and run" u qegħdin jappellaw lill-pubbliku biex min għandu xi informazzjoni jċempel l-Għassa tal-Pulizija ta' Raħal Ġdid fuq in-numri 2123 7542 or 2123 7148.
Fl-istess stqarrija l-Pulizija qed tgħid li l-anzjan qiegħed isofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt.
Iktar kmieni....
Il-Pulizija tad-Distrett u dawk mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit qegħdin ifittxu sewwieq li kmieni dalgħodu tajjar anzjan bil-karozza u baqa’ sejjer.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5.15 a.m. meta l-anzjan ta’ 72 sena minn Raħal Ġdid kien fuq ir-rota tiegħu fi Triq Ħal Luqa u kif wasal kantuniera ma’ Triq Nazzarenu, f’Raħal Ġdid stess, safa mtajjar u s-sewwieq tal-karozza baqa’ sejjer.
Għall-ewwel il-Pulizija ma kienux ċerti jekk dan kienx każ ta’ “hit and run” iżda minn biċċiet ta’ karozza li nstabu qrib fejn seħħ l-inċident għandhom suspett li dawn huma tal-istess karozza li laqtet lill-anzjan.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn bħalissa għadu qed jingħata l-kura medika kif ukoll xi eżamijiet mediċi.