(AĠĠORNAT) It-tieni “hit and run” illum

Barrani jintlaqat minn karozza li baqgħet sejra

Il-post fejn intlaqat is-Sloven minn karozza li baqgħet sejra. Ritratt John Pisani
Il-post fejn intlaqat is-Sloven minn karozza li baqgħet sejra. Ritratt John Pisani

Fi spazju ta’ inqas minn 12-il siegħa seħħ “hit and run” ieħor din id-darba fil-Mosta wara li kmieni dalgħodu ittajjar anzjan f’Raħal Ġdid.

Illum waranofsinhar, għall-ħabta tal-4.20 p.m., koppja mis-Slovakja, ir-raġel ta' 32 sena residenti n-Naxxar u l-mara ta' 34 sena residenti Tas-Sliema,  kienu mixjin fi Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta fid-direzzjoni ta’ Tarġa Gap meta ġiet karozza minn warajhom u għaddiet viċin tagħhom b’konsegwenza li laqtet lir-raġel f’riġlejh il-leminija.

Minkejja li kien hemm min ipprova jiġbed l-attenzzjoni tas-sewwieq, dan baqa’ sejjer. Persuni li kienu fil-qrib, fosthom żewġ student li jattendu l-MCAST tal-Mosta, marru jassistu lir-raġel u anke sejħu għall-ambulanza.

Ir-raġel, akkumpanjat mill-ħabiba tiegġu, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn qed jingħata l-kura meħtieġa. Mhux magħruf xi ġrieħi sofra imma mhux fil-periklu tal-mewt.

Il-Pulizija iddentifikat il-karozza bħala Skoda ta’ kulur il-fidda u li x’aktarx is-sewwieq huwa min-Naxxar u s'issa għadu ma nstabx.  Il-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Luke Stivala flimkien mal-Kuntistabbli Joshua Attard mil-Għassa tal-Mosta kienu fuq il-post tal-aċċident u qed jinvestigaw dan it-tieni każ ta' "hit and run" tallum.

More in Kronaka