Anzjan jaqa’ t-taraġ fid-dar tiegħu

Kien ħuh stess li tah l-ewwel għajnuna sakemm waslet ambulanza

Ritratt arkivji
Ritratt arkivji

Li kieku ma kienx għas-sens ċiviku ta’ xi ġirien, kieku anzjan ta’ 79 sena kien jibqa’ fl-art muġugħ wara li waqa’ t-taraġ u ħadd ma nduna peress li r-raġel jgħix waħdu.

Skont ma qalu l-Pulizija fuq is-sit soċjali Facebook u mhux fi stqarrija uffiċjali, dalgħodu għall-ħabta tad-9.00 a.m. il-Pulizija ġew infurmati li l-anzjan kellu bżonn l-għajnuna. Huma daħlu fid-dar fi Triq San Ġakbu fis-Siġġiewi flimkien ma’ ħuh l-vittma u sabu lill-anzjan mal-art. L-anzjan ittieħed l-isptar fejn instab li qed ibati minn ġrieħi ta’ natura gravi, qalet il-Pulizija.

Sadanittant sar magħruf li kien is-sens ċiviku tal-ġirien li tħassbu peress li s-soltu jaraw lill-anzjan jimxi sal-pjazza tar-raħal u lura d-dar. Iżda meta llum ma rawx lir-raġel u l-aħħar li deher kien il-bieraħ waranofsinhar issuspettaw li seta’ ġralu xi ħaġa. Kien għal-ħabta tad-8.50 a.m. semgħu il-krib ta’ uġiegħ meta marru jaraw jekk kellux bżonn xi ħaġa.

Kif bdew isejħulu l-anzjan kompla jgħajjat biex jiġbed l-attenzjoni. Xi ħadd ċempel lil ħu l-anzjan li mar mill-ewwel fuq il-post u kif daħal sab lil ħuh mitluq fl-art taħt l-aħħar tarġa. Jidher li l-anzjan waqa’ t-taraġ u minħabba l-uġiegħ li sofra ma setax iqum.

Fuq il-post marret ambulanza b’tim tal-Emergency Ambulance Responders flimkien ma’ infermiera li wara li ngħata l-ewwel għajnuna medika fuq il-post, ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri ġrieħi gravi kawża ta’ ksur. Mhux magħruf jekk l-anzjan kienx illejl kollu fl-art jew jekk waqax it-taraġ dalgħodu stess.

Il-Pulizija tad-Distrett ġew informati u ħejjew rapport tal-każ.

 

More in Kronaka