[Aġġornat 4 aktar dettalji, ritratti u filmat] Żewġ ħaddiema jaqgħu għoli ta' erba' sulari f'Birkirkara

Żewġ ħaddiema barranin jaqgħu erba' sulari fi Triq Tumas Galea. Wieħed minnhom, Serb ta' 50 sena, jinsab fil-periklu tal-mewt

Il-ħaddiem li waqa' minn għoli ta' erba' sulari qed jiddaħħal fl-ambulanza. Ritratt John Pisani
Il-ħaddiem li waqa' minn għoli ta' erba' sulari qed jiddaħħal fl-ambulanza. Ritratt John Pisani
Ħadida li magħha kienet marbuta l-fallakka. Ritratt John Pisani
Ħadida li magħha kienet marbuta l-fallakka. Ritratt John Pisani
Is-Serb ta' 30 sena li rrnexxielu jiddendel sa isfel iħares fejn kien qed jaħdem ma' sieħbu. Ritratt John Pisani
Is-Serb ta' 30 sena li rrnexxielu jiddendel sa isfel iħares fejn kien qed jaħdem ma' sieħbu. Ritratt John Pisani
Il-ħaddiem li jinsab fil-periklu tal-mewt jingħata l-ewwel kura medika fuq il-post.  Ritratt John Pisani
Il-ħaddiem li jinsab fil-periklu tal-mewt jingħata l-ewwel kura medika fuq il-post. Ritratt John Pisani
 Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
 Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Il-fallakka li kienu fuqha ż-żewġ ħaddiema.  Ritratt John Pisani
Il-fallakka li kienu fuqha ż-żewġ ħaddiema. Ritratt John Pisani
Ħaddiem fil-periklu tal-mewt. Video John Pisani

Aġġornament 4

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li Velko Idakovic, għandu 50 sena, u qiegħed isofri minn diversi ksur fosthom fil-pelvis, f'kuxtejh ix-xellugija u anke ksur f'xi kustilji. Peress li Idakovic ma sofriex ġrieħi gravi f'rasu jindika li s-Serb baqa' nieżel dritt fejn anke nstablu xi demm fil-pulmun. Nifhmu li minkejja li l-waqa' minn għoli ta' erba' sulari, Idakovic kien il-ħin kollu konxju.

Aġġornament 3

Velko Idakovic, Serb li x’aktarx għandu madwar 40 sena, jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li sieħbu, Igor Ilic ta’ 30 sena wkoll mis-Serbja, ħelisha bi ġrieħi ħfief f’idejh. Xhieda fuq il-post qalu lil illum.com.mt li l-għajnuna medika kienet immedjata.

L-inċident seħħ ftit qabel nofsinhar u skont persuni li raw l-inċident iseħħ qalulna li ż-żewġ ħaddiema barranin kienu qegħdin fuq pont magħmul minn fallakki fejn kienu qed jagħmlu xogħol ta’ tikħil u tibjid ma’ ġenb ta’ binja meta f’daqqa waħda semgħu xi ħadd jgħajjat u f’ħakka t’għajn raw lill-wieħed mill-ħaddiema jaqa’ minn għoli ta’ erba’ sulari meta l-ħabel li kien marbut ma’ apparat u fallakki tqaċċat.

Idakovic baqa’ nieżel għal isfel bil-fallakki b’kollox u spiċċa f’sit vojt. Min-naħa l-oħra, Ilic l-ewwel irnexxielu jżomm ma’ ħadida li wkoll kienet qed tintuża biex iżżomm il-fallakki u għal xi ħin baqa’ mdendel.

“Naħseb li nduna li kieku baqa’ mdendel hemm fuq dik il-ħadida ma kinitx soda biżżejjed li żżommu u għalhekk irnexxielu jinżel mal-ħabel tal-azzar”, qalilna wieħed mir-residenti.

Kienu l-istess residenti li ċemplu għall-assistenza fejn l-ewwel ma waslu fuq il-post kienu s-Surġent Juan Mula Debono u l-Kuntistabbli Ismael Camilleri mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit fejn sabu ambulanza diġá fuq il-post bit-Tabib Jonathan Joslin u żewġ infermieri li bdew jagħtu l-ewwel għajnuna medika lil Idakovic fuq il-post tal-inċident. Igor Ilic deher li kellu xokk kbir fuqu u ma setax jemmen kif irnexxielu jeħlisha. Dr Joslin xorta eżimnah fejn jidher li sofra xi ħruq f’idejh meta niżel iżomm mal-ħabel tal-azzar.

Ftit tal-ħin wara waslu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif wkoll il-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Kevin Grima flimkien mal-Kuntistabbli Silvio Bonellu u l-Kuntistabbli Kyle Bugeja.

Wara li tpoġġa fuq streċer, Idakovic iddaħħal fl-ambulanza u ttieħed fid-Dipariment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fejn instab li qiegħed isofri minn diversi ġrieħi gravi fosthom f’sidru u ksur f’partijiet oħrajn ta’ ġismu u ġie ċċertfikat li jinsab fil-periklu tal-mewt. Fil-fatt wara li ngħata l-kura meħtieġa ddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

B’dan l-inċident fuq il-post tax-xogħol ġiet informata l-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit li ordnat inkjesta u ħatret lit-Tabib Forensiku Mario Scerri u lill-Perit Richard Aquilina bħala esperti tal-Qorti flimkien mal-Pulizija tal-Fotografija. Ġew informati wkoll l-uffiċjali mill-Awtoritá tas-Saħħa u s-Sigurtá fuq il-Post tax-Xogħol li marru fuq il-post tal-inċident biex jinvestigaw.

L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Luke Bonello tad-Distrett.  

iktar kmieni....

Il-ħaddiem li ddaħħal l-isptar ġie ċċerttifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Żewġ ħaddiema ta' nazzjonalità barranija għadhom kif waqgħu għoli ta' erba' sulari fi Triq Tumas Galea, f'Ta' Paris, f'Birkirkara.

Jidher li dawn iż-żewġ ħaddiema kienu qegħdin fuq fallakka mdendlin fir-raba' sular. Jidher li din ċediet bihom, wieħed ħa tisbita ta' erba' sulari waqt li l-ieħor, Serbjan ta' 30 sena, irnexxielu jżomm ma' biċċa ħadida li kien hemm imdendla. Ftit tal-ħin wara ċeda wkoll u beda jiżżerżaq l-isfel mal-ħabel li kienet marbuta bih il-fallakka li ċediet.

More in Kronaka