Mara anzjana mietet matul il-lejl li għadda fl-isptar Mater Dei fejn hu mifhum li kienet qed tinżamm fuq sodda f’kuritur li jinsab bejn id-dipartiment tal-Emerġenza u t-taqsima tar-Radjografija.
Il-Kelliema għas-saħħa Nazzjonalista Claudette Buttigieg filwaqt li talbet lis-segretarju parlamentari Chris Fearne biex jispjega x’wassal għall-mewt ta’ din il-pazjenta qalet “Jidher li l-mara possibilment mietet meta l-apparat meħtieġ ma kienx disponibbli u għaldaqstant l-oppożizzjoni qed tinsisti li jkun hemm spjegazzjonijiet ċari fuq dan il-każ”
Buttigieg qalet li m’għandiex dubju li l-istaff mediku għamel dak kollu possibli bies isalvaw ħajjet il-mara imma fejn hemm nuqqas ta’ apparat, dan jagħmel is-sitwazzjoni diffiċli għall-professjonist filwaqt li nsistiet li s-sitwazzjoni marret għall-agħar mal-ħatra ta’ Ivan Falzon bħala l-Kap Eżekuttiv tal-isptar.
Il-kelliema temmet tgħid li dan il-każ hu fost l-aktar serji minn sensiela li l-oppożizzjoni ġiet mgħarrfa fuqhom u li kollha jnaqqsu d-dinjità tal-pazjenti.