Madwar siegħa ilu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rrispondew biex jikkontrollaw nirien f’appartament li jinsab fit-tielet sular fi Triq Sliema fil-Gżira. Jidher li n-nirien ġew ikkawżati minn ħsara li żviluppat f’sett tat-televiżjoni.
Fi ftit minuti waslu fuq il-post il-membri tal-Protezzjoni Ċivili mill-istazzjonijiet ta’ Kordin u Floriana kif ukoll ambulanza. Huwa mifhum li dak il-ħin kien hemm żewġ persuni fl-appartament fejn raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura medika wara li bela’ d-duħħan.
Il-Pulizija tad-Distrett għadhom fuq il-post biex jinvestigaw dawn in-nirien. Nifhmu li n-nirien ikkawżaw xi ħsarat speċjalment in-nugrufun.
Filwaqt li għall-ewwel il-Pulizija aċċertawna li kien raġel biss li ddaħħal l-isptar għall-kura, ftit minuti wara fi stqarrija l-istess Pulizija qalu li kienu tlieta l-persuni li kelllhom bżonn l-għajnuna medika.