Aġġornament
Minn aktar stħarriġ irriżulta li l-ħalliel fil-fatt ħataf il-cash register u ħarab bih b'kollox Huwa mifhum li fil-cash register kien hemm madwar €55. Il-Pulizija elevaw il-cash register imkisser ftit metri ’l bogħod.
Sorsi qrib il-Pulizija qalulna li l-ħalliel x'aktarx kien liebes track suit b'żewġ kuluri - blu u isfar.
iktar qabel...
Għall-ħabta tal-5.20 p.m. raġel daħal fi spiżerija fil-Marsa u qabad u seraq il-flus li kien hemm fil-cash register.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-ħalliel kien tant ħafif li kif daħal fl-Ispiżerija, bl-isem ta’ Vivien Pharmacy li tinsab fi Triq Patri Magri fil-Marsa, ħasad lill-impjegata meta mar wara l-counter, fetaħ il-cash register u ħataf il-flus li kien hemm.
X’aktarx li l-ħalliel ma kienx armat imma werwer lill-impjegata. Kif seraq il-flus il-ħalliel telaq jiġri u mhux magħruf jekk kienx qed jagħmel użu minn xi vettura. Għalkemm il-vittma ma sofriet l-ebda ġrieħi, is-sorsi qalulna li kellha xokk kbir fuqha.
Fuq il-post marru l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit li bdew bi tfittxija għall-ħalliel flimkien ma' dawk tad-Distrett.