(Aġġornat) Tfittxija għal mara li ħadha l-baħar

Minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp it-tfittxija kellha tiġi abbandunata. Tkompli għada jekk it-temp jippermetti.

Ritratt: Arkivji
Ritratt: Arkivji

Aġġornat

Minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp it-tfittxija għal mara ta’ 27 sena ta’ nazzjonalitá Ċiniża ġiet sospiża u mistennija terġa tibda kmieni għada filgħodu jekk it-temp jippermetti.

Il-Pulizija qalet li kien tlieta l-barranin li spiċċaw f’baħar qawwi forza 7 li kkawża mewġ għoli fl-inħawi tad-Dwejra. It-tliet barranin kienu qrib xifer il-blat meta mewġ għoli kaxkarhom fil-baħar f’żewġ każi separate li seħħew għall-ħabta tas-2.00 p.m.

Waħda minnhom, il-mara ta’ 27 sena, għadha ma nstabitx filwaqt li tnejn l-oħrajn kienu salvati f’operazzjoni konġunta bejn il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati.

Il-mara li għadha ma nstabitx kienet fil-kumpanija ta’ ħabiba tagħha, Ċiniża ta’ 29 sena. Din ittellgħet mill-baħar u ttieħdet għall-kura fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba li kienet qed issofri minn xokk qawwi.

Fl-istess ħin, imma f’parti oħra fid-Dwejra, Ungeriż ta' 37 sena wkoll spiċċa fil-baħar u kien salvat fil-ħin. Huwa ttieħed ukoll l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura.

iktar qabel...

Madwar nofs siegħa ilu, bdiet tfittxija mill-Protezzjoni Ċivili għal mara x'aktarx turista fid-Dwejra Għawdex. Il-mara, li hi ta' nazzjonalita Ċiniża jew Ażjatika kienet viċin tal-baħar meta tela' għaliha l-mewġ u spiċċat fil-baħar. Immedjatament ġew ikkuntattjati l-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili fejn dawn bdew tfittxija għall-istess mara.

 

More in Kronaka