[Aġġornat] Koppja tiddaħħal l-isptar wara inċident f’Wied il-Għajn - raġel fil-periklu tal-mewt

F’ħin ta’ disgħa siegħat ħabta oħra bejn mutur u karozza

Il-mutur u l-karozza involuti fl-inċident
Il-mutur u l-karozza involuti fl-inċident

Aġġornament

Il-Pulizija kkonfermaw li s-sewwieq tal-mutur jinsab fil-periklu tal-mewt, iżda s'issa għadhom qed jistennew il-kundizzjoni tal-mara.

iktar kmieni...

Raġel ta’ 35 sena u mara ta’ 36 sena, it-tnejn minn Raħal Ġdid, qiegħdin jingħataw il-kura medika fl-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku aktar kmieni bil-mutur tagħhom. Dan huwa t-tieni inċident fi spazju ta’ disgħa siegħat bejn karozza u mutur wara dak li seħħ kmieni dalgħodu f’Għawdex.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5.00 p.m. fi Triq Sant’Antnin qrib l-impjant ta’ Riċiklaġġ ta’ Wied il-Għajn. Dak il-ħin il-koppja kienu rikbin fuq mutur Kawasaki Ninja meta seħħet dik li tidher bħala ħabta head-on ma’ karozza Ford Fiesta misjuqa minn raġel ta’ 42 sena minn Ħaż-Żabbar. Fil-karozza kien hemm ukoll omm u binhom jew binthom.

S’issa għadu mhux magħruf kif seħħet il-ħabta.

Fuq il-post intbgħatu żewġ ambulanzi b’infermieri u l-Emergency Ambulance Responders biex jagħtu jassistu li dawk feruti. Kienu l-koppja fuq il-mutur li ttieħdu l-Isptar Mater Dei. Mhux magħruf xi ġrieħi sofrew, imma jidher li mhumiex fil-periklu tal-mewt. Il-familja fil-Ford Fiesta ma sofrew l-ebda ġrieħi, imma dehru li kienu qegħdin isofru minn xokk.

Il-Pulizija tad-Distrett kienu fuq il-post biex iħejju rapport tal-inċident filwaqt li dawk mit-Taqsima tat-Traffiku assistew biex jidderieġu t-traffiku.

Aktar dettalji kif jidħlulna.  

 

More in Kronaka