Inqas traġedji mis-sentejn ta’ qabel
Statistika ta’ kronaka għall-ewwel tliet xhur tas-sena
minn John Pisani
il-gazzetta ILLUM, jirriżulta li bejn Jannar u lbieraħ, is-Sibt 21 ta’ Marzu, seħħew inqas traġedji mis-sentejn ta’ qabel, filwaqt fejn jidħlu każijiet ta’ hold-ups din is-sena kien hemm sitt każi, tnejn aktar mis-sena l-oħra u wieħed inqas mill-2013. Mhux qegħdin neskludu li fil-fatt seta’ saru aktar hold-ups għax il-Pulizija mhux dejjem jinfurmaw lill-mezzi tax-xandir b’kull każ ta’ hold-up li jseħħ.
Inċidenti fatali tat-traffiku
Bħala statistika minn Jannar sal-bieraħ, fit-toroq Maltin u Għawdxin tilfu ħajjithom żewġ persuni. Dawn l-inċidenti fatali kienu dawn: Fl-1 ta’ Jannar tilef ħajtu Matthew Meliak ta’ 22 sena mis-Swieqi f’inċident li seħħ fi Triq ir-Rabat fin-Nadur għall-ħabta tal-3.45am. Dakinhar karozza Peugeot 106 misjuqa minn Terrance Tanti ta’ 22 sena minn San Ġwann ħabtet f’ħajt u arblu tad-dawl.
Fit-12 ta’ Jannar, Ramier Mader ta’ 42 sena mill-Ġermanja, għall-ħabta ta’ 11.55am kien qed jaqsam Triq it-Torri f’Tas-Sliema meta safa’ mtajjar minn karozza misjuqa minn Mario Gatt ta’ 36 sena miż-Żurrieq.
Matul l-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra seħħew ħames inċidenti fatali tat-traffiku. Dawn kienu: Fl-10 ta’ Jannar, fejn Clive Brincat ta’ 32 sena mill-Belt, magħruf bħala “l-Ġoja” tilef ħajtu fil-5.12am fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Maria, fl-Imqabba. Karozza Peugeot 206 misjuqa minn Jean Claude Mangion ta’ 19-il sena mill-Qrendi li laqtet il-mutur li kien fuqu Brincat li dak il-ħin kien wieqaf mal-ġenb tat-triq.
Fil-15 ta’ Jannar Karen Cutajar ta’ 38 sena minn San Pawl il-Baħar għall-ħabta tas-2.35pm kienet qed issuq karozza Fiat 600 u ħabtet head-on fi trakk misjuq minn Matthew Mangion ta’ 28 sena min-Naxxar. L-inċident seħħ fi Triq is-Salini, limiti tan-Naxxar.
Fl-24 ta’ Jannar Philip Scott Attard ta’ 44 sena, Ingliż, li kien joqgħod Ħal Għaxaq kien miexi fi Triq Ħal Farruġ, limiti ta’ Ħal Luqa meta għall-ħabta tas-6.35am Attard intlaqat minn karozza Opel Corsa misjuqa minn ġuvni ta’ 21 sena minn Ħal Qormi u kif il-vittma kien fl-art karozza Ford Escort misjuqa minn raġel ta’ 33 sena minn San Ġwann għaddiet minn fuqu.
Fil-5 ta’ Marzu John Darren Casey, Ingliż ieħor, minn San Pawl il-Baħar, tilef il-kontroll tal-karozza VW Polo u baqa’ dieħel f’Vauxhall Brava misjuqa minn John Paul Azzopardi ta’ 28 sena minn Ħaż-Żebbuġ. Dan l-inċident fatali seħħ għall-ħabta tas-7.15am fi Triq Burmarrad fil-Mosta.
Il-ħames każ seħħ fl-24 ta’ Marzu meta Ibrahim Ismail Yasin mis-Somalja ta’ 19-il sena fis-2.30pm kien qed jaqsam Triq Aldo Moro fil-Marsa meta ntlaqat minn karozza Fiat Fiorentino misjuqa minn Warren Frendo ta’ 23 sena minn San Pawl il-Baħar.
Fl-2013 fl-ewwel tliet xhur tas-sena ġew irrapportati tliet fatalitajiet fit-toroq tagħna u dawn seħħew kollha fix-xahar ta’ Marzu.
Fl-10 ta’ Marzu raġel ta’ 60 sena mill-Mosta ħabat head-on bil-mutur tiegħu BMW f’Mitsubishi misjuqa minn raġel ta’ 64 mill-Mosta fl-inħawi taċ-Ċirkewwa għall-ħabta tal-9.50am.
Fit-22 ta’ Marzu raġel ta’ 83 sena minn Birkirkara ħabat ma’ arblu tad-dawl x’aktarx wara li ħassu ħażin. Dan l-inċident seħħ fi Triq l-Imdina, f’Ħaż-Żebbuġ fit-3.30pm.
Fis-26 ta’ Marzu Joseph Portelli ta’ 52 sena mill-Marsa għall-ħabta tas-6.40am, ħabat bil-karozza tiegħu Vitz mal-akwadott biex jevita karozza oħra, misjuqa minn Keith Cassar ta’ 24 sena minn Birkirkara, fi Triq il-Kbira San Ġużepp, f’Santa Venera. Portelli miet jumejn wara fl-Isptar Mater Dei.
Imwiet fuq il-post tax-xogħol
Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena seħħ każ wieħed fejn ħaddiem tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol. L-istess ġara s-sena l-oħra, filwaqt li fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2013 ma kinux irrapportati l-ebda inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol.
L-inċident li seħħ din is-sena ġara fit-28 ta’ Frar meta Patrick Vella ta’ 36 sena miż-Żejtun kien qed jaħdem f’baċir fit-Tarzna ta’ Palumbo.
Dak tal-2014 seħħ fil-11 ta’ Marzu meta Modibo Konate ta’ 37 sena mil-Liberja waqa’ minn għoli ta’ erba’ sulari fi Triq il-Pont fil-Mosta.
Mewt kawża ta’ għarqa
S’issa din is-sena seħħew żewġ każi li fihom tilfu ħajjithom żewġ persuni kawża ta’ għarqa, filwaqt li fl-ewwel tliet xhur tas-sentejn ta’ qabel kien hemm għarqa waħda kemm fl-2014 u fl-2013.
Fil-25 ta’ Frar mara ta’ 27 sena, turista Ċiniża, inġibdet minn mewġ kbir fid-Dwejra, Għawdex.
It-tieni każ huwa dak li semmejna aktar ’il fuq, ta’ Patrick Vella li għereq f’baċir fit-Tarzna ta’ Palumbo.
Fl-2014 seħħet fatalità oħra eżatt bħal dik tat-turista Ċiniża meta fit-3 ta’ Marzu Jacek Malek mill-Polonja wkoll kien qed jieħu ritratti fid-Dwejra u nġarr minn mewġa.
L-għarqa fl-ewwel tliet xhur tal-2013 seħħet ukoll fit-3 ta’ Marzu, kif ukoll fid-Dwerja, meta Manuel Sammut ta’ 43 sena minn Birkirkara sab ruħu f’diffikultajiet meta kien qed jogħdos.
Omiċidji
Din is-sena seħħew żewġ omiċidji - l-aħħar wieħed il-Ġimgħa filgħaxija, wieħed aktar mis-sena 2013. Fl-2014 fl-ewwel kwart tas-sena kienu seħħew erba’ omiċidji.
Fil-11 ta’ Marzu li fih inqatlet Silvana Muscat ta’ 36 sena minn San Pawl il-Baħar. Muscat inqatlet b’ħames daqqiet ta’ sikkina meta kienet fl-appartament tagħha fi Triq l-Isponoż f’Buġibba. Dwar dan il-każ il-Pulizjia Maltija ħarġet talba ta’ arrest Ewropew biex ikun arrestat Nour Eddine Ibrahim Hamid, Libjan ta’ 34 sena li ħalla Malta lejn l-Italja ftit tal-ħin wara li wettaq id-delitt.
It-tieni omiċidju seħħ il-Ġimgħa, 20 ta’ Marzu. Raymond Caruana ta’ 53 sena minn Ħaż-Żebbuġ inqatel fil-limiti ta’ San Blas, f’Ħaż-Żebbuġ stess. Qattiel jew qattiela sparaw mill-inqas 40 tir hekk kif kien ħiereġ bil-Jeep tiegħu minn razzett.
Fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra kellna erba’ każi ta’ omiċidji li tnejn minnhom huma solvuti. Fl-4 ta’ Frar inqatel Ġużi Galea ta’ 58 sena mill-Marsa fi Triq ix-Xemxija fil-Marsa stess. Galea nqatel b’ħames tiri minn 20 li kienu sparati.
Fil-11 ta’ Frar Kristic Dragoljub ta’ 27 sena mis-Serbja nqatel b’daqqa ta’ mus f’qalbu wara argument f’appartament fi Triq il-Merluzz fil-Qawra. B’dan il-każ jinsab mixli Emil Atanasov, ta’ 27 sena mill-Bulgarija.
L-għada, fit-12 ta’ Frar fi Triq Santa Marija fiż-Żejtun, Pietru Cassar ta’ 67 sena miż-Żejtun, magħruf bħala “l-Ħaqqa”, inqatel b’żewġ tiri ta’ pistola minn erba’ li kienu sparati.
Fid-19 ta’ Marzu Lisa Marie Zahra ta’ 15-il sena mis-Swieqi kienet assistita biex taqbeż minn fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli minn Erin Tanti ta’ 23 sena mill-Belt li jinsab mixli bil-qtil tagħha.
Bejn Jannar u Marzu tal-2013 kien hemm qtil wieħed, dak ta’ Ronald Galea ta’ 65 sena minn Birkikara, meta fit-18 ta’ Frar inqatel meta kienu sparati tmien tiri ta’ pistola kif kien se jagħlaq il-kanċell tal-fabbrika tiegħu fil-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far.
Hold-ups
L-aktar li saru hold-ups fl-ewwel kwart tas-sena kien fl-2013 – seba’ każi, filwaqt li sirna nafu li seħħew sitt każi fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, u erba’ s-sena l-oħra.
Bejn Jannar u lbieraħ sirna nafu li huma ħamsa il-każijiet ta’ hold-ups. L-ewwel wieħed seħħ fl-14 ta’ Jannar fuq impjegati u klijenta fil-fergħa tal-Maypole fi Triq Sta Katerina f’Ħ’Attard. Minn hawn il-kriminal seraq madwar €1,000 u l-kartiera ta’ klijenta.
Fis-16 ta’ Jannar ħalliel daħal f’pet shop li jinsab fi Triq il-Wied f’Ħal Balzan u seraq €500 wara li hedded impjegat. Fil-11 ta’ Frar ħalliel seraq aktar minn €6,000 minn post tal-logħob bl-isem ‘Bestplay’ f’Bormla.
Fl-1 ta Marzu mill-ħanut ‘Step In’ li jinsab fi Triq Gerry Zammit fl-Imsida insterqu madwar €700. L-għada, fit-2 ta Marzu seħħ hold-up fil-‘Covienence Store’ fi-Triq Ross f’San Ġiljan fejn insterqu €350.
Fl-14 ta’ Marzu Francesco Del Volto Santo Pizzuto ta’ 81 sena, sid ta’ Banka tal-Lottu fil-Ħamrun, safa vittma ta’ Jesmond Gatt ta’ 45 sena minn Ħaż-Żabbar meta seraqlu €37.
Fl-ewwel tliet xhur tal-2014 ukoll seħħew erba’ hold-ups. Fit-12 ta’ Jannar impjegata ta’ 22 sena mill-Marsa sfat mhedda minn ħalliel meta kienet fil-ħanut tal-logħob tal-azzard li jinsab fi Triq Ħal Tarxien, f’Raħal Ġdid. Minn hawn insterqu €2,000.
Fl-istess ġurnata - każ ieħor. Din id-darba l-vittma kien impjegat ta’ 23 sena mill-Fgura li jaħdem f’pastizzerija fi Triq Għajn Dwieli wkoll f’Raħal Ġdid. Minn hawn insterqu €200.
Fis-17 ta’ Jannar fergħa tal-Maltco, jew kif inhuma magħrufa Banka tal-Lottu, li tinsab fi Triq il-Qalbiena Mostin fil-Mosta, ħalliel hedded impjegat ta’ 26 sena min-Naxxar u seraqlu €300.
Ir-raba’ każ seħħ fil-11 ta’ Frar fil-‘Bestplay’ fi Triq il-Kbira San Gużepp fil-Ħamrun - fejn insterqu €1,000 wara li impjegat ta’ 23 sena minn Ħal Qormi safa mhedded minn ħalliel.
Fl-ewwel kwart tas-sena 2013 kien hemm seba’ każi li nafu bihom. Minn dawn, il-Pulizija solvew ħamsa.
Fit-3 ta’ Jannar kienu nsterqu eluf ta’ ewro minn Scotts Supermarket f’Burmarrad. Fl-20 ta’ Jannar seħħ hold-up fuq anzjan mir-Rabat, Għawdex li kien fi Triq l-Arċipriet Saver Cassar, fir-Rabat stess li serqulu eluf ta’ Ewro. Il-Pulizija ta’ Għawdex solvew dan il-każ.
Fit-30 ta’ Jannar sid ta’ ħanut li jinsab fi Triq L.Casolani f’Birkirkara safa vittma u serqulu €3,000. Fit-22 ta’ Frar il-Pulizija solvew il-hold-up li sar fuq sid ta’ ħanut f’Tas-Sliema. Il-Pulizija ma kinux ħarġu dettalji dwar dan il-każ.
Fis-26 ta’ Frar Shaun Zammit ta’ 23 sena kien twaqqaf minn ħalliel li seraqlu €300 bil-Pulizija jarrestaw lill-kriminal. Każ ieħor solvut huwa dak li seħħ fil-21 ta’ Marzu fi Triq Brared f’Birkirkara fuq żagħżugħ ta’ 21 sena minn Marsaxlokk. Mhux magħruf ukoll kemm insterqu flus.
Fil-31 ta’ Marzu impjegata ta’ 16-il sena li kienet Gelateria Lungomare fi Triq Ġorġ Borg Olivier f’San Ġiljan sfat vittma u nsterqu madwar €600. Każ ieħor li l-Pulizija solvew.
Overdoses fatali
Fl-ewwel kwart tas-snin 2013, 2014 u din is-sena ma ġew irrapportati l-ebda każ ta’ overdose fatali bid-droga.
Statistika bin-numri (mhux uffiċjali)
Fis-sena 2013 ġbarna din l-istatistika għas-sena kollha: Omiċidji tmienja (8), overdoses fatali wieħed (1), inċidenti tat-traffiku fatali dsatax (19), imwiet fuq il-post tax-xogħol tlieta (3), imwiet fil-baħar seba’ (7) - każi li fihom mietu 12-il persuna u kien hemm 18-il hold-up li fihom ħallew 21 vittma.
Fl-2014 kollha kien hemm: omiċidji sitta (6), overdoses fatali wieħed (1), inċidenti tat-traffiku fatali ħdax (11), imwiet fuq il-post tax-xogħol tlieta (3), imwiet fil-baħar seba’ (7) - każi li ħallew tmin (8) vittmi u hold-ups seba’ (7).