Passiġġier iħossu ħażin qabel titjira tal-Easyjet
Ambulanza b’tim mediku tasal l-ajruport wara 35 minuta
minn John Pisani
Pazjent li kien fuq it-titjira tal-linja tal-ajru easyJet kellu jistenna aktar minn nofs siegħa sakemm waslet l-għajnuna medika mill-Isptar Mater Dei. Kienu diversi turisti u Maltin li lmentaw minn dan id-dewmien esaġerat meta wieħed iqis id-distanzi qosra ta’ pajjiżna.
Il-każ seħħ nhar it-Tnejn, 16 ta’ Marzu fuq it-titjira EZY8824 mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) lejn dak ta’ Gatwick f’Londra. Persuna li kienet fuq l-istess titjira rrakkontatilna li kollox kien lest biex jibdew il-vjaġġ lejn l-Ingilterra għall-ħabta ta’ 12.25pm.
“Il-passiġġieri kienu kollha f’posthom, ingħalqu l-bibien u l-membri tal-ekwipaġġ bdew bil-proċedura tal-istruzzjonijiet tas-sigurtà. Hekk kif l-ajruplan kien se jiċċaqlaq, wieħed mill-passiġġieri għafas il-buttuna biex isejjaħ għall-assistenza”, qalilna s-sors.
Meta waħda mill-assistenti tal-kabina marret tara x’għandu, ġie nnutat li l-passiġġier kien qed jintilef minn sensieh u għalhekk infurmat immedjatament lill-kaptan tal-ajruplan li minn naħa tiegħu waqqaf it-tluq u talab it-Torri tal-Kontroll biex jibgħatu l-assistenza medika immedjatament.
Sorsi qrib l-MIA qalulna li f’inqas minn minuta wara li saret it-talba mit-Torri tal-Kontroll, intalbet l-għajnuna medika mill-Isptar Mater Dei, iżda l-ambulanza b’tim mediku waslet fl-ajruport 35 minuta wara.
Sakemm waslet l-għajnuna mill-isptar, il-membri tal-ekwipaġġ bdew jagħtu l-ewwel għajnuna lill-passiġġier, fosthom billi tpoġġiet il-maskla tal-ossiġinu ma’ ħalqu biex ikun jista’ jieħu n-nifs aħjar.
Minn stħarriġ li għamlet din il-gazzetta rriżulta li r-raġuni li l-ambulanza b’tim mediku damu daqshekk biex waslu minn Mater Dei sal-MIA, hija minħabba li meta daħlet is-sejħa ma kienx hemm infermieri fl-Emerġenza biex joħorġu mal-ambulanza.
“Dak il-ħin kien hemm madwar sitt ambulanzi barra bl-infermieri fihom. Fl-istess ħin l-infermieri li kienu fl-Emerġenza kienu kollha impenjati bl-ammont ta’ pazjenti li kien hemm. Fil-fatt kif daħlet l-ewwel ambulanza lura, din intbagħtet mill-ewwel lejn l-ajruport biex tassisti lill-pazjent”, qalilna sors fl-Isptar Mater Dei.
Kien hemm żmien meta fl-MIA kien ikun hemm tabib permanenti li jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Awtorità tas-Saħħa tal-Portijiet mhux tal-MIA. Dan it-tabib tneħħa mill-istess awtorità u għaldaqstant jekk xi ħadd ikun fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ajruport, bħalma hija s-sala tat-tluq jew kif ġara f’dan il-każ, fuq ajruplan.
Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien ikun hemm ukoll żewġ ambulanzi li kienu jagħmlu parti mit-Taqsima tat-Tifi tan-Nar tal-MIA, iżda dawn l-ambulanzi wkoll tneħħew madwar sitt snin ilu. Is-sorsi tagħna fl-MIA qalulna li dawn l-ambulanzi kienu jintużaw biss f’każ ta’ emerġenza jekk jiġġarraf xi ajruplan u mhux jekk passiġġier iħossu ħażin. Dawn l-ambulanzi kienu dikomissjonati għax jidher li rari kienu jintużaw.
L-għeluq tal-klinika u konsegwentament anke li ma jkunx hemm aktar tabib fl-MIA, kien issemma wkoll fil-Parlment fid-29 ta’ Mejju 2013 meta fuq mistqosija tad-Deputat Laburista Carmelo Abela, illum Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien, Godfrey Farrugia kien spejga għaliex.
Carmelo Abela staqsa x’inhi r-raġuni li l-klinika tal-MIA kienet se tingħalaq? Min ħa din id-deċiżjoni u għaliex? Staqsa wkoll meta ttieħdet din id-deċiżjoni? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun żball li dan isir meta wieħed iqis l-ammont ta’ nies li jagħmlu użu mill-ajruport?
Fir-risposta tiegħu l-eks Ministru Farrugia qal li l-iskop tal-klinika tal-ajruport huwa li sservi bħala lok fejn jistgħu jiġu iżolati u ttratati nies li jaslu Malta b’xi marda infettiva jew suspett ta’ tali marda. Matul is-snin bdiet tintuża bħala post fejn jirrikorru ħaddiema tal-ajruport jekk ma jħossuhomx sew fuq ix-xogħol. Huwa rari li din il-klinika toffri servizzi lil xi passiġġieri.
Godfrey Farrugia kompla jgħid li f’April 2012, kien sar rapport ta’ evalwazzjoni ta’ din il-klinika, liema rapport kien wera li l-ispiża finanzjarja relatata ma’ riżorsi umani biss għas-sena 2011 kienet tammonta għal €290,431.39. Meta wieħed iqabbel din l-ispiza man-numru ta’ pazjenti eżaminati f’din il-klinika isib li kull pazjent kien qed jiġi jiswa madwar €387. Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li l-każijiet li jiġu ttratti huma kważi kollha ta’ natura minuri. Għalhekk deher biċ-ċar li dan is-sevizz mhux vijabbli u li allura l-klinika se terġa’ tassumi biss ir-rwol li għalih kienet oriġinarjament istitwita - dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa pubblika liema servizz jista’ jingħata permezz ta’ sistema ta’ on call.
Id-deċizjoni li tingħalaq kienet ittieħdet mill-amministrazzjoni preċedenti, iżda jidher li l-għeluq kien ġie pospost minħabba l-elezzjoni. Wara li saret evalwazzjoni tal-fatti mill-ġdid, id-decizjoni li r-rwol ta’ din il-klinika jinbidel, ġiet konfermata minn l-MIA lil din l-amministrazzjoni. Id-deċiżjoni ttieħdet wara konsultazzjoni li saret mal-Ministeru responsabbli mit-turiżmu, mal-MIA, u kif ukoll il-fatt li ftit kienu dawk il-passiġġieri li għamlu użu minn din il-klinika.
Fl-aħħarnett l-eks Ministru Godfrey Farrugia kien qal li “mhux se jkun hemm impatt negattiv.”