Ikomplu l-hold-ups – erba’ każi f’jumejn

Insterqu aktar minn €4,500 u werwru diversi nies

Il-Pulizija tinsab imwaħda kif bejn ilbieraħ u llum seħħew erba’ hold-ups minn uffiċċju u fi tliet stabbelimenti. F’dawn il-hold-ups insterqu aktar minn €4,500.

L-aħħar każ seħħ illum għall-ħabta tat-8.00 p.m. minn ħanut bl-isem ta’ “Amy’s Sweets&More” li jinsaab fi Triq Misraħ il-Barrieri f’Santa Venera. Il-ħalliel, deskritt bħala raġel mibdni bi skufja sewda f’rasu, daħal fil-ħanut fejn dak il-ħin kien hemm is-sid u wara li heddidha ordnalha ttih il-flus qabad u ħataf il-kexxun u ħarab bih bil-flus li kien hemm fih.

Il-ħalliel ħarab minn fuq il-post b’madwar €400 f’idejh.

Aktar qabel, għall-ħabta tal-5.30 p.m. seħħ hold-up ieħor fi spiżerija li tinsab fi Triq Giuseppe Malfeggiani f’Pembroke. Il-kriminal, li mhux eskluż li jista’ jkun l-istess wieħed, kien ukoll liebes skufja u armat b’dik li dehret bħala pisitola finta. Minn hawn il-ħalliel seraq madwar €40.

Iż-żewġ hold-ups l-oħrajn seħħew il-Ħamis, wieħed minn uffiċċju f’Tal-Pietá minn fejn insterqu €4,000 u l-ieħor minn ħanut tal-ikel fi Triq Manwel Dimech f’Tas-Sliema minn fejn insterqu €100.

Il-Pulizija mill-Iskwadra tal-RIU għamlu diversi tfittxijiet imma ma sabu lil ħadd. L-investigazzjonijiet qed isiru mill-Pulizija mid-Distretti rispettivi u dawk mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

Sakemm lestejna dan ir-rapport il-Pulizija kienu għadhom ma ħarġu l-ebda stqarrija dwar il-hold-ups li seħħew illum.

 

More in Kronaka