Sirjan li ffalsifika passaport Malti biex jitlaq minn Sqallija u jiġi Malta, inqabad fil-fatt mumenti biss qabel hu, flimkien ma’ żewġt irġiel Sirjani oħra, wieħed minnhom magħruf mal-pulizija, telgħu fuq ajruplan tal-Air Malta fi triqithom lejn pajjiżna mill-ajruport Sqalli ta’ Fontanarossa f’Katanja.
Dawn it-tliet Sirjani kienu xtraw biljett fuq it-titjira KM641 tad-9 ta’ Ottubru, li telqet minn Katanja fit-7:50 a.m. u waslet Malta fit-8:30 a.m., għaddew mill-kontrolli tas-sigurtà u kienu lesti biex jitilgħu fuq l-Air Malta u jiġu pajjiżna sakemm xi impjegati fl-ajruport kellhom suspett u waqqfuhom. It-tliet Sirjani, wieħed minnhom magħruf sew mal-awtoritajiet Sqallin b’konnessjoni ma’ attvitajiet kriminali u reati marbutin mal-immigrazzjoni, kienu arrestati mill-Polizia di Frontiera.
F’kuntatt mal-ILLUM kelliem għal-linja nazzjonali tal-ajru kkonferma l-arrest ta’ dawn il-persuni li kellhom jaslu pajjiżna jumejn ilu.
Is-Sirjan li ffalsifika d-dokument Malti biddel ir-ritratt oriġinali u tefa’ wieħed tiegħu minflok. Miegħu kien hemm is-Sirjan Kasem Almsluh, magħruf sew mat-Tribunal ta’ Udine għar-reati li wettaq b’rabta mal-immigrazzjoni illegali. Fl-ajruport Sqalli Almsluh ppreżenta dokument bl-isem ta’ Kasem Mouslah, imwieled Hamas, anke jekk fil-fatt dan ma kienx minnu. Ma’ dawn kien hemm it-tielet Sirjan li huwa taħt l-età u li ffalsifika passaport Franċiż biex mat-tnejn l-oħra jkun jista’ jiġi f’pajjiżna.