Titla fuq ajruplan bi żball u ma jinduna ħadd
Mistoqsija fuq fomm il-passiġġieri: Din hi s-sigurta f'Malta?

More in Kronaka
Mistoqsija fuq fomm il-passiġġieri: Din hi s-sigurta f'Malta?
Dawk li kienu fuq l-ajruplan tal-Easy Jet li kien sejjer Londra nhar it-Tlieta li għadda ilmentaw mhux ftit, kemm mal-ekwipaġġ kif ukoll ma’ din il-gazzetta wara li mara li kellha tmur lejn il-Bulgarija telgħet fuq l-ajruplan għal Gatwick, sabet is-seat tagħha u kien biss wara li telgħet il-passiġġiera bl-istess numru tas-seat li kellha tittieħed azzjoni biex din titniżżel mill-ajurplan. Dan ifisser li din il-mara, minkejja li għaddiet miċ-‘check in desks’ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, xorta baqgħet dieħla b’biljett li kien jimmarka titjira lejn Sofia li kellha titlaq madwar siegħa wara dik li fil-fatt telgħet fuqha.
Passiġġieri li tkellmu magħna qalu kif li kieku mhux għall-fatt li xi ħadd insista li jpoġġi fuq is-seat tiegħu kieku t-titjira kienet se titlaq b’mara li qatt ma suppost kienet fuq dan l-ajruplan.
Persuna li kien fuq it-titjira tal-Easyjet bin-numru EZY8824 għal Gatwick ikkuntattja lill-ILLUM u spjega dak kollu li kien ġara. Dan il-passiġġier qalilna li l-mara telgħet fuq l-ajruplan u poġġiet fis-seat numru 28C. Ingħalqu l-bibien ta’ wara u anke ttella t-taraġ meta passiġġier ieħor bl-istess numru tas-seat mar biex joqgħod fis-seat tiegħu u sabu okkupat. Il-bieba ta’ quddiem kienet għadha ma ngħalqitx.
Malli l-ekwipaġġ sar jaf bis-sitwazzjoni għamel ‘security check’ dak il-ħin stess u beda jqabbel kull hand luggage ma’ kull passiġġier. Bdew jgħoddu lill-passiġġieri kontinwament u anke ċċekkjaw il-lifevests li jkun hemm taħt is-seats. Malli ndunaw b’dan l-iżball, nies mill-ekwipaġġ niżżlu lill-mara mill-ajruplan u din ittieħdet lura fl-ajruport.
Intant lura fuq l-ajruplan kienet qamet komossjoni sħiħa b’bosta nies jilmentaw dwar l-aspett ta’ sigurtà u jistaqsu kif passiġġier jista jitħalla jitla fuq ajruplan b’biljett li huwa għal post ieħor.