'In-nies ta' Erdogan bdew jgħajtu 'Allahu Akbar' u jisparaw fuq is-suldati'
Mara Torka titkellem mal-ILLUM u tgħid li hi temmen li l-kolp ta' stat hu tejatrin tal-istess Erdogan biex jissaħħaħ aktar fil-poter
minn John Busuttil
“Il-partitarji tal-President Erdogan bdew jgħajtu Allahu Akbar huma u joqtlu suldati li wara kollox huma Torok bħalhom.” Hekk sostniet Fairuza*, mara Torka li tgħix Istanbul u li esperjenzat il-ġlied u l-qtil fit-toroq ta’ din il-belt Torka, f’kolp ta’ stat li ħalla l'fuq minn 194 persuna mejta u b’idejn Erdogan aktar b’saħħithom fuq pajjiżu milli qatt kienu.
“Bqajt skantata meta Erdogan bagħat messaġġ u beda jħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex joħorġu jiġġieldu għalih. Ara kif spiċċajna! Torok joqtlu t-Torok għalih. Jiddispjaċini u nweġġa’ li kelli nara tant nies jinqatlu imma, kieku ma kienx kollu teatrin, kont nixtieq li l-kolp irnexxa u Erdogan tilef postu, anke jekk jien ma naqbilx mal-vjolenza u jekk għandu jitneħħa Er5dogan għandu jitneħħa b'mod demokratiku”
F’kuntatt dirett ma’ din il-gazzetta, Fairuza li ma tiddejjaqx tgħid li temmen fis-sekulariżmu u għalhekk li l-istat u r-reliġjon m’għandhomx ikunu ħaġa waħda, spjegat kif is-sitwazzjoni fit-Turkija issa hija agħar milli qatt setgħet kienet. “L-affarijiet issa sejrin ħażin ħafna, kollox riesaq lejn l-estrem, anke fl-iskola m’uliedna qed naraw sistema li qed ddur dejjem aktar mal-ideoloġija reliġjuża. In-nies fil-Gvern iridu bilfors jaqblu ma’ Erdogan jekk iridu jibqgħu fil-poter.”
Araw xi prezz qed inħallsu għall-ambizzjonijiet ta’ politiku. Qed inħallsu bil-mibgħeda bejnietna stess.”
*Il-mara li kellmitna ma xtaqitx tikxef l-identità tagħha “għax tant għandna demokrazija fit-Turkija li jekk ninkixef, nispiċċa l-ħabs.” Fairuza huwa isem fittizju.
Mal-ILLUM, Fairuza titkellem b’ċerta qilla kontra l-President ta’ pajjiżha u tgħid li “hemm fattur ieħor li forsi fil-punent ma tafux bih. Fl-istess ġurnata li sar l-attakk fuq l-ajruport, għaddiet liġi mill-Parlament li l-Qorti Suprema tal-Appelli (Yargitay) u l-Kunsill tal-Istat (Danistay) jistgħu ma jaċċettawx liġijiet li jgħaddu fil-Parlament. Għax dawn iż-żewġ istituzzjonijiet huma mmexxija minn Erdogan, allura hu jiġi awtomatikament ’il fuq mill-Parlament.”
Mal-ILLUM Fairuza tappella biex “l-Ewropa ma taċċetta qatt lil dan il-gvern Tork għax it-Turkija jixirqilha gvern aħjar. Irridu nsibu t-triq paċifika u legali biex neħilsu minnu billi l-ewwel nibdew nedukaw lill-poplu tagħna u nwasslu l-messaġġ vera ta’ min hu Erdogan mal-Punent.”
Mal-ILLUM, Fairuza qalet li hi u l-maġġor parti tal-poplu paċifiku tat-Turkija huma favur is-suldati li riedu jneħħuh, “għax qed joħloq firda kbira fil-pajjiż tant li nibża li qed nersqu lejn gwerra ċivili. Aħna nazzjon wieħed b’poplu wieħed u rridu naraw kif se nwaqqfu lil min irid jifridna b’mod demokratiku u mhux bil-vjolenza,” kompliet għid Fairuza. “L-affarijiet sejrin mill-ħażin għal agħar għal min jitkellem kontra Erdogan u l-gvern tiegħu.”
Mal-ILLUM, Fairuza ma tantx iddum tomgħod kliemha u tispjega kif “huma l-ħafna li jaħsbu li dan l-istess kolp ta’ stat kien magħġun minnu nnifsu biex ikompli jsaħħaħ idejh fil-poter u jagħmel dak li ilu jixtieq jagħmel, jiġifieri li jibdel il-pajjiż minn repubblika għal sistema presidenzjali li tkun dittatorjali.”
Fairuza qalet li Erdogan hu magħruf li jgħin lill-IS, anke jekk hu ċaħad ħafna drabi li fil-fatt għamel dan u f’diversi sitwazzjonijiet ċanfar lill-IS. “IS qatt ma ħadu r-responsabbiltà ta’ dan l-attakk. Semmili f’liema okkażjoni l-IS ma ħadux responsabbiltà ta’ attakk. Mhux hekk biss, dan lanqas biss kompla l-investigazzjoni ta’ min wettaq l-attakk u jumejn wara, meta l-poplu kien għadu mwerwer u jibki lill-vittmi tiegħu, dan mar jiftaħ biċċa pont bil-pompi kollha biex il-media tnessi l-attakk tal-ajruport.”