Ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li raġel ferut kien għadu kemm daħal ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana.
Il-Pulizija tad-Distrett marret fil-post imsemmi fejn sabet li r-raġel kien se jittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Minn stħarriġ preliminari li għamlet il-Pulizija rriżulta li r-raġel kien sofra feriti permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Investigazzjonijiet ulterjuri wrew li r-raġel li huwa Sirjan u għandu 20 sena, residenti Ħal Qormi allegatament kellu argument ma’ raġel ieħor li wkoll huwa barrani u qala’ daqqa ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Jidher li l-inċident seħħ ġewwa ġnien fi Vjal ir-Re Dwardu VII, il-Floriana. Iktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li r-raġel ġie ċċertifkat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex jiġi ntraċċat l-aggressur.