Jinqatel aktar tajr protett

BirdLife Malta għal darba oħra tappella lill-PM biex jissospendi l-istaġun tal-kaċċa b’seħħ immedjat

ritratt meħud minn steviehaston.blogspot.com.mt
ritratt meħud minn steviehaston.blogspot.com.mt

Rapporti kkonfermati lil BirdLife Malta mill-Pulizija ta’ Għawdex jindikaw li tliet Kuċċardiet (Honey Buzzard) oħra kienu osservati jinqatlu f’Għawdex fl-aħħar sigħat. L-għasafar niżlu fil-baħar u wieħed minnhom inġabar minn rock climber professjonali li għadda l-Kuċċarda mejta lill-pulizija li interrogawh għall-fatti kollha. Aktar tard is-snorkeller li hu Ingliż ta’ nisel Malti tella’ l-istorja tiegħu onlajn fuq il-blog personali tiegħu fejn anke ddikjara li kien spiċċa kważi maqtul minn kaċċaturi illegali f’Għawdex (ara l-ħoloq aktar ’l isfel).

steviehaston.blogspot.com.mt
steviehaston.blogspot.com.mt

F’dawn iċ-ċirkostanzi, BirdLife Malta tinsisti li dan il-qtil illegali bla kontroll ta’ tajr protett se jibqa’ għaddej sakemm il-Gvern ma jiħux azzjoni immedjata llum qabel għada. Għal darba oħra qed nappellaw lill-Prim Ministru biex jissospendi l-istaġun tal-kaċċa sal-15 ta’ Ottubru. Dan huwa l-uniku mod kif l-isforzi limitati ta’ infurzar jistgħu jagħtu xi tip ta’ riżultat.

Diffiċli wieħed jifhem kif il-Gvern ma jikkunsidrax is-sitwazzjoni attwali bħala waħda allarmati u għalhekk nistennew li l-Gvern jieħu l-pass kuraġġjuż minflok iwaħħal fil-Kumitat Ornis. Il-liġi tgħid ċar u tond li l-Gvern jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-istaġun tal-kaċċa f’kundizzjonijiet ta’ ċerta gravità. U s-sitwazzjoni hi aktar minn gravi, bit-tajr protett li nqatel s’issa jammonta għal 19. Diġà rajna 7 Kuċċardiet u 2 Ċikonji Suwed fost it-tajr protett li spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali u l-Gvern xorta qed jibqa’ sieket. Dan hu inaċċettabbli u t-talba tagħna tibqa’ konsistenti – dik li l-istaġun jiġi sospiż. Nittamaw li l-Gvern isib il-kuraġġ li jagħmel dak li hu sewwa. 

More in Kronaka