Min qiegħed fuq dieta u qiegħed jiekol b'mod salutari permezz ta' aktar ħaxix se jħabbat wiċċu ma' problemi kbar jekk jgħix fir-Renju Unit. Dan għaliex fil-pajjiż kollhu, hemm skarsezza kbira ta' kull tip ta' ħaxix.
F'dawn l-aħħar ġimgħat, numru ta' Supermarkets fir-Renju Unit ħadu miżuri li bihom qegħdin jillimitaw l-ammont ta' ħaxix li l-klijenti tagħhom jistgħu jixtru minħabba skarsezza li hemm dovuta minn temp ikrah fi Spanja, minn fejn il-maġġoranza tal-ħaxix jiġi importat.
Infatti, wieħed mill-akbar Supermarkets tal-pajjiż, it-Tesco, introduċa limitu ta' tliet weraq tal-ħass biss, u r-rivali tagħhom, Morrisons għamlu limitu aktar riġidu ta' żewġ werqiet biss, u waqqfu x-xerrejja tagħhom milli jixtru aktar minn tliet irjus ta' brokkoli.
Avviżi fil-ħwienet tat-Tesco jgħidu "Minħabba problemi ta' temp fi Spanja, għandna nuqqas ta' ħass tad-ditta iceberg. Biex nipproteġu d-disponibbiltà għall-klijenti kollha tagħna, qed nillimitaw ix-xiri għall-tliet pakketti kull persuna. Niskużaw ruħna tal-inkonvenjenza."
L-iskarsezza bdiet aktar kmieni dan ix-xahar bil-brunġiel u l-qarabali. Bżar, brokkoli u kaboċċi ukoll bdew jonqsu. L-esperti qegħdin iwissu li jekk it-temp ma jirranġax fil-ġimgħat li ġejjin il-problema tippersisti sa April u l-prezzijiet tal-ħaxix jistgħu jiżdiedu b'mod konsiderevoli.