Raġel ta' 31 sena minn Ħ'Attard u mara ta' 30 sena mis-Siġġiewi kellhom jittieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta għall-kura wara li sofrew ġrieħi gravi f'San Pawl il-Baħar.
Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-21:10 meta allegatament, żagħżugħ ta' 23 sena mill-Mosta aggredixxa lill-koppja fi Triq il-Ġifen, San Pawl il-Baħar.
Minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li mara ta’ 30 sena, residenti s-Siġġiewi u raġel ta’ 31sena residenti Ħ’Attard sfaw feruti wara li allegatament kienu qalgħu xi daqqiet minn xi persuni.
Il-vittmi ttieħdu ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta għall-kura meħtieġa fejn ġew iċċertifikati li qegħdin isofru minn ġrieħi gravi.
Wara iktar investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija arrestat żagħżugħ ta’ 23 sena residenti l-Mosta li allegatament kien involut fil-każ. Huwa wkoll ittiehed ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta minħabba li kien ferut, fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief. Iż-żagħżugħ għadu qed jinżamm mill-Pulizija għal iktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.